Lokali

Se jkun hemm żieda f’nollijiet tat-trasport pubbliku

Minkejja l-wegħda elettorali u d-dikjarazzjonijiet fl-aħħar Baġit li l-prezzijiet kollha tat-trasport pubbliku se jibqgħu l-istess, issa kien żvelat li l-bidliet li se jsiru fis-sistemi tal-biljetti u l-ħlasijiet se jwasslu biex ikun hemm żieda f’nollijiet tat-trasport publiku. Dan kien ikkonfermat f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tat-Traspot Joe Mizzi, mill-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta James Piscopo u mill-Uffiċjal ta’ Autobuses de Leon Felipe Cosmen.

Fis-sistema l-ġdida ta’ nollijiet se jispiċċa l-one-day ticket ta’ €1.50, li permezz tiegħu l-pubbliku seta’ jivvjaġġa kemm irid għal ġurnata sħiħa. Minflok din is-sistema, il-pubbliku issa jrid jixtri card biex jibbenefika minn tariffi mraħħsa. Min ikollu l-card se jkun qed iħallas 75ċ għal kull vjaġġ jekk ikun adult u 25ċ għal kull vjaġġ fil-każ tat-tfal. Min ma jkollux card se jkollu jħallas €1.50 għal kull vjaġġ u mhux għal kull ġurnata kif kien qabel.

Fis-Sajf, in-nollijiet tat-trasport pubbliku se jiżdiedu għal €2 minn €1.50 għal kull vjaġġ. Il-ħlas għal 30 ġurnata għall-adulti se jkun €26 u €21 għall-istudenti, filwaqt li l-ħlas għal 90 ġurnata għall-istudenti issa se jkun €55. Il-Ministru Mizzi qal li l-Autobuses de Leon se jkollhom 360 karrozza tal-linja, jiġifieri żieda ta’ madwar 100 karozza ġdida, filwaqt li se jkunu impjegati 300 ħaddiem ieħor sa tmiem l-2015.

KONFERENZA TAL-LINJA GODDA-1601