Lokali

Serb fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn għoli waqt li kien qed ibajjad

Raġel ta’ nazzjonalità Serba jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar erba’ sulari waqt li kien qed jagħmel xogħol ta’ tibji f’Birkirkara. Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ 12pm fi Triq Tumas Galea.

Jirriżulta li l-barrani kien bilqegħda fuq fallakka ma’ Serb ieħor, li għandu 31 sena, meta għal xi raġuni nqata’ ħabel minn dawk li kienu qed iżommu l-fallakka. Filwaqt li l-vittma waqa’ għal isfel, is-Serb l-ieħor irnexxielu jżomm mal-fallakka u jiżżerżaq ‘l isfel.

Fil-post issejjaħ tim mediku li ħa lill-vittma lejn l-Isptar Mater Dei. Hemm, hu kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu. Min-naħa l-oħra, is-Serb l-ieħor għażel li ma jingħatax għajnuna medika.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.