Qorti

18-il xahar għal infermiera tal-ħabs li daħħlet id-droga fil-Faċilita’

Infermiera ta’ 47 sena mill-Ħamrun li kienet taħdem mal-priġunieri fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin ġiet ikkundannata 18-il xahar ħabs wara li nstabet ħatja mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li daħħlet id-droga fil-ħabs stess għax xi detenuti. Għaldaqstant hija nstabet ħatja ta’ traffikar ta’ droga.

Jacqueline Dipasquale instabet ħatja li fit-2 Diċembru tal-2009 u fis-sitt xhur ta’ qabel meta kienet qed taħdem bħala infermiera daħħlet sustanzi ta’ kannanis u eroina u dan biex hija tgħaddihom lill-priġunieri. Hija kienet iddaħħal id-droga fil-ħabs, fosthom fil-but tal-ġakketta tagħha u fil-partijiet intimi tagħha.

Lill-priġunier minnhom kienet tgħaddielu d-droga kull 15-il ġurnata. F’dawn l-okkażjonijiet, qalet li dejjem għaddietlu borża bl-eroina, liema borża mhux dejjem kienet tkun ta’ l-istess daqs.

Dwar il-ħlas li kienet tirċievi minn hemm qalet li kienet tieħu €50 lid-detenuti li kienet tgħaddi d-droga. Ma tiftakarx kemm il-darba għaddiet din id-droga.