Internazzjonali

Il-Ġappun ukoll jgħid li l-2014 kienet l-aktar sena sħuna

L-Assoċjazzjoni Meteoroloġika tal-Ġappun saret l-aħħar organizzazzjoni li sostniet li s-sena li għaddiet (l-2014) kienet l-aktar waħda sħuna kemm ilhom jinżammu r-rekords.

Qed jingħad li, fl-2014, it-temperaturi kienu ogħla b’0.27 grad Celsius fuq is-sħana medja rreġistrata bejn l-1981 u l-2010. Fl-istess ħin is-sħana medja, matul is-sena li għaddiet, kienet ogħla mill-medja rreġistrata matul is-seklu għoxrin, u dan mingħajr l-effett ta’ fenomeni bħall-‘El Nino’.

Skont l-informazzjoni, għaxra mill-‘aktar snin tas-sħana’ kienu rreġistrati wara l-1998.

B’din il-konferma, il-Japan Meteorological Association (JMA) issieħbet man-NASA u n-National Oceanic and Atmospheric Administration (Noaa) fl-Istati Uniti, u l-Met Office tar-Renju Unit, bħala l-‘indikaturi ewlenin’ tat-temperaturi globali u li lkoll qablu li s-sħana fl-2014 laħqet livelli rekord.

L-esperti, intant, qalu li r-rata li biha qed jiżdiedu l-livelli tas-sħana qed tagħti lok għall-allarm. Dan fost is-suġġerimenti li l-emissjonijiet tas-CO2 u gassijiet partikolari mill-attivitajiet tal-bnedmin qed jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-global warming.