Internazzjonali

Il-LIBJA: L-ISIS joqtol żewġ ġurnalisti

Il-fergħa Libjana tal-grupp ġiħadista tal-ISIS qalet li l-grupp qatel żewġ ġurnalisti Tuneżini li kienu ilhom rappurtati nieqsa minn Settembru.
Fi stqarrija li nħarġet f’websajts ġiħadisti li juru ritratti ta’ Sofiene Chourabi u Nadhir Ktari, il-grupp qal li hu “applika l-liġi ta’ Allah” kontrihom.
Fl-istqarrija ffirmata “mis-servizz tal-komunikazzjoni tal-provinċja ta’ Barqa,” il-grupp akkuża liż-żewġ Tuneżini talli ħadmu “għal stazzjon li jiġġieled lir-reliġjon”.
Barqa hu l-isem antik ta’ reġjun fil-Lvant tal-Libja fejn hu maħsub li l-ISIS kiseb preżenza kbira.
Chourabi, ġurnalist investigattiv u blogger li kien attiv matul ir-rivoluzzjoni tat-Tuneżija fl-2011, u Ktari, fotografu, kienu rappurtati nieqsa fit-8 ta’ Settembru fir-reġjun ta’ Ajdabiya fil-Lvant tal-pajjiż.
L-għajbien tagħhom ġie wara li ż-żewġ ġurnalisti, li kienu qed jaħdmu fil-Libja mingħajr awtorizzazzjoni, inħatfu minn grupp armat jiem qabel iżda mbagħad inħelsu.

Aktar fil-ħarġa ta’ għada ta’ IN-NAZZJON