Dalgħodu l-Maġistrat Carol Peralta – kif wiegħed li se jagħmel aktar kmieni din il-ġimgħa – żar is-slum area fejn qed jinżammu l-Asjatiċi, prinċipalment miċ-Ċina, il-Vjetnam u l-Korea ta’ Fuq, li jinġiebu Malta biex jaħdmu fil-fabbrika Leisure Clothing (factory) Limited.
Matul din iż-żjara, fost l-oħrajn, hu kien akkumpanjat minn Bin Han, id-Direttur Maniġerjali ta’ Leisure Clothing u Liu Jia, id-Direttur tal-Marketing tal-istess kumpanija, li bħalissa qed jiffaċċjaw akkużi serji ħafna kontra tagħhom b’rabta ma’ traffikar ta’ persuni umani u prekarjat fil-fabbrika Leisure Clothing.
F’din iż-żjara ta’ dalgħodu – li MaltaRightNow kellha l-opportunità li tagħmel għall-għarrieda ftit tal-ġimgħat ilu qabel ma’ faqqa’ fil-pubbliku l-iskandlu tat-traffikar uman u prekarjat fil-Leisure Clothing – il-Maġistrat Carol Peralta xorta waħda sab ambjent mill-aktar delapitat għalkemm fl-aħħar sigħat saret drive qawwija biex kemm jista’ jkun il-post ma jkunx jidher ħażin u fi stat diżastruż.
Fl-aħħar ġimgħat minn meta ħareġ fil-pubbliku l-iskandlu tal-Leisure Clothing f’dan il-post fejn jinżammu l-Asjatiċi – kmamar żgħar li fihom jinżammu numru ta’ tfajliet jew ġuvintur Asjatiċi – saru numru ta’ xogħlijiet fosthom ta’ tindif. Meta oriġinarjament MaltaRightNow kienet żaret il-post, apparti li l-post kien fi stat ħażin ħafna kif kienu jixhdu r-ritratti li konna ppubblikajna u li għadhom għandna, konna sibna ammont konsiderevoli ħafna ta’ ħmieġ u skart.
(Ritratt: www.independent.com.mt)
//= $special ?>