Lokali

Il-Partit il-ġdid f’Malta hu il-Partit Nazzjonalista

Il-Partit il-ġdid f’Malta hu il-Partit Nazzjonalista. Sostna dan il-Kap tal-PN Simon Busuttil waqt riċeviment għall-kumitati sezzjonali tal-PN wara li iktar kmieni sar tibdil fix-Shadow Cabinet.

Simon Busuttil qal li d-deċiżjoni mhux waħda faċli imma kienet il-pass li jmiss u l-pass meħtieg fit-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista u l-Partit Nazzjonalista qed jibgħat messaġġ li kapaċi jiġġedded.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista għandu Ministri li kienu Ministri fil-kabinett ta’ Mintoff u fil-kabinett ta’ Sant 30 u 20 sena ilu rispettivament.

Simon Busuttil fisser kif is-sena li għaddiet kienet waħda ta’ sfidi u l-istess se tkun din is-sena hekk kif se jsiru elezzjonijiet ghall-kunsilli lokali f’nofs il-lokalitajiet ta’ Malta u referendum madwar il-pajjiz kollu.

Il-Kap tal-PN qal li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mhux se jsiru għax riedhom il-Gvern Laburista iżda sforz kemm il-PN imbotta u stinka biex dawn l-elezzjonijiet isiru. Hu rringrazzja lill-Membri tal-Kumitati Sezzjonali għad-dedikazzjoni kbira taghhom u ghall-imhabba li juru li lejn il-Partit

Min-naħa tiegħu is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said ukoll irringrazzja lill-attivisti tal-PN u qal li s-sena 2014 kienet sena ta’ sfidi li izda ntemmet b’partit iktar b’sahhtu u mgedded.

Hu qal li din is-sena hi waħda importanti u l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ din is-sena huma l-ahhar test elettorali qabel l-elezzjoni generali li jmiss.

Chris Said qal li l-Partit Nazzjonalista diġa għandu numru sabiħ ta’ 110 kandidati li se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Fil-jiem li ġejjin l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista mistenni japprova 30 kandidat ġdid għal dawn l-elezzjonijiet.

L-Ezekuttiv mistenni jikkonferma wkoll 25 kandidat ieħor biex jikkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali u li se jingħaqdu mat-13-il kandidat ġdid li kienu approvati s-sena li għaddiet.