9.08am: Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri iħabbar li r-Referedum jista’ jsir. Dan billi ċaħad ir-rikorsi tal-Għaqdiet tal-kaċċaturi għalies ma hemm ebda raġuni għaliex m’għandux isir ir-referndum.
9.04am: Tibda s-seduta
X’se jiġri llum …
Illum il-Qorti Kostituzzjonali mistennija tħabbar id-deċiżjoni tagħha dwar jekk għandux jinżamm referendum dwar il-futur tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Ir-referendum, jekk isir, se jkun qed jitlob li jitħassar Avviż Legali li jkopri tliet snin u li jimxi skont deroga tal-Unjoni Ewropea li tippermetti l-kaċċa għall-gamiem u s-summien fir-Rebbiegħa. Is-seduta tal-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduti mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, mistennija tibda għall-ħabta tad-9a.m. Maltarigthnow.com se jkun qed isegwi l-andament tas-seduta u se jkun qed jaġġorna lill-qarrejja kontinwament waqt li tkun qed tinqara s-sentenza.
Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tapprova li jinżamm ir-referendum, ikun imiss lill-President tar-Repubblika li tiffissa data għall-votazzjoni bejn tliet xhur u sitt xhur wara. Dak ifisser li l-votazzjoni tista’ ssir bejn April u Lulju li ġejjin. Dan ikun l-ewwel referendum f’150 sena f’pajjiżna li se jsir wara talba mill-elettorat u l-uniku wieħed fl-istorja li jħassar għal kollox liġi li tkun fis-seħħ.
F’każ li r-referendum jgħaddi, u għalhekk l-elettorat jagħżel li titwaqqaf il-Kaċċa fir-Rebbiegħa, id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ immedjatament. Madankollu, il-liġi elettorali ta’ pajjiżna titlob li biex riżultat ta’ referendum ikun validu, irid ikun hemm turnout ta’ mill-anqas 50% tal-elettorat.
Il-kaċċa fir-Rebbiegħa kienet f’nofs dibattitu bejn il-Koalizzjoni għall-Abolizzjoni tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa u l-Federazzjonijiet Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti u l-Għaqda Kaċċaturi San Ubertu, li min-naħa tagħhom diġà ddikjaraw li mhux se jċedu malajr id-delizzju tagħhom.
Id-deċiżjoni tal-lum mistennija taffetwa wkoll id-data tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Dan għaliex is-sena li għaddiet, il-Gvern iddikjara li jekk ir-referendum isir dan se jsir flimkien mal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u għaldaqstant iż-żewġ votazzjonijiet isiru bejn April u Lulju. F’każ li l-Qorti Kostituzzjonali ma tawtorizzax ir-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa, l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tista’ ssir f’Marzu kif kien qed jiġri f’dawn l-aħħar snin.
//= $special ?>