Ikompli l-battibekk bejn iż-żewġ fazzjonijiet taż-żewġ gvernijiet Libjani li jinsabu f’pajjiżna. Dan hekk kif fl-aħħar żvilupp, Al Habib Al Amin, ix-Chargé d’Affaires li jirrappreżenta l-Gvern leġittimu ta’ Tobruk, sostna li l-uniċi visas rikonoxxuti fit-territorji Libjani huma dawk maħruġa mill-uffiċċju tiegħu f’Ta’ Xbiex.
Dan hekk kif il-Ħadd li għadda, Hussin Musrati, ix-Chargé d’Affaires li jirrappreżenta lill-Gvern ibbażat fi Tripli qed isostni bil-kontra u li dawk validi huma biss dawk maħruġa mill-Ambaxxata f’Ħal Balzan. Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, Musrati kien qal li r-rikonoxximent tal-Gvern ta’ Tobruk mill-Gvern Malti jista’ jkollu effetti fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Mhux tal-istess opinjoni Al Habib Al Amin, li fl-istqarrija maħruġa fl-aħħar sigħat fakkar li l-Gvern ta’ Tobruk hu dak rikonoxxut internazzjonalment u anke akkreditat mill-Ministeru Malti tal-Affarijiet Barranin. Għaldaqstant, issostni l-istqarrija, il-Libja ma tirrikonoxxi l-ebda visa maħruġa minn kwalunkwe entità oħra. Ingħad li jittieħdu azzjonijiet legali kontra kulmin jinqabad li jkollu fuqu xi visa oħra ħlief dawk maħruġa mill-uffiċċji ta’ f’Ta’ Xbiex.
Anke x-Chargé d’Affaires f’isem il-Gvern ta’ Tobruk sostna l-impenn tal-gvern li jirrappreżenta li jkabbar il-koperazzjoni u l-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li jkompli jappoġġja l-inizjattivi u r-relazzjonijiet biex jiżdied in-negozju fil-pajjiżi rispettivi.
Il-Gvern ta’ Tripli qed isostni li l-Qorti Suprema Libjana ddeċidiet li l-Gvern ta’ Tobruk hu illeġittimu, għalkemm ma tatx soluzzjoni ta’ x’għandu jsir. Fin-nuqqas ta’ dan, l-istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti għadhom jirrikonoxxu lill-Gvern ta’ Tobruk. Għaldaqstant, il-Gvern Malti wkoll għadu qed jieħu l-istess pożizzjoni bħall-istituzzjonijiet internazzjonali.
//= $special ?>