Aktar minn xahrejn ilu, l-Assoċjazzjoni ta’ dawk li jbatu mill-kundizzjoni Coeliac kitbu lill-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi biex jirrivedi l-mod kif jitratta lil dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni. Madankollu, sal-lum l-Assoċjazzjoni għadha lanqas biss irċeviet acknowledgement. Minflok, il-Gvern iddeċieda li jagħmel ta’ rasu u jbiddel it-tip ta’ għajnuna li jingħataw dawn il-persuni biex issa se jkunu qed jirċievu voucher ta’ €30 biss għal xahar sħiħ.
Dan qalitu l-Assoċjazzjoni fi stqarrija, li fiha saħqet li hi qatt ma aċċettat jew ippromwoviet l-idea tal-Gvern li jneħħi l-għotjiet ta’ ikel gluten free ħalli jagħti l-voucher ta’ €30. Dan għaliex taf li l-valur tal-voucher mhuwiex biżżejjed għal min ibati minn din il-kundizzjoni.
L-Assoċjazzjoni sostniet li fix-xhur li għaddew ipparteċipat fid-diskussjonijiet mal-Gvern u l-Ministru tas-Saħħa, partikolarment biex jenfasizzaw l-importanza li l-għotjiet ta’ prodotti gluten free jgħinu wkoll biex jitjieb il-livell tal-ħajja ta’ min hu Coeliac. Dejjem sostniet ukoll li dawk li għandhom dħul baxx għandhom jingħataw għajnuna xierqa.
Filwaqt li rrikonoxxiet li mhux kulħadd kien jieħu l-prodotti li kienu jiġu pprovduti mill-Gvern, l-Assoċjazzjoni qalet li ma jistax ikun li l-Gvern għażel li jaqta’ linja dritta għal kulħadd u naqqas l-għajnuna anke għal dawk li kienu jieħdu l-prodotti. Spjegat li minflok tnaqqsu l-għajnuniet lil dawk li ma kienux jieħdu l-prodotti offruti b’xejn, il-Gvern għażel li jiddividi l-valur ta’ kemm jiswa l-ikel li kienu jittieħed bejn il-persuni kollha li jbatu mill-kundizzjoni.
Filwaqt li sostniet il-pożizzjoni tagħha li ma taqbilx mad-deċiżjoni meħuda mill-Gvern u mill-Ministeru tas-Saħħa, immexxi minn Konrad Mizzi, l-Assoċjazzjoni appellat biex il-pożizzjoni tiġi riveduta qabel ma aktar persuni jbatu minn din id-deċiżjoni.
//= $special ?>