Arkeoloġisti marittimi qed juru interess kbir f’tip ta’ metall li ttella minn vapur kummerċjali li kien għereq, mijiet tas-snin ilu, ‘il hinn minn Gela fi Sqallija.
Dan meta l-metall inkwistjoni issemma b’konnessjoni mal-belt mitlufa ta’ Atlantis, li l-filosofu Grieg, Plato, kien irrefera għaliha, għall-ewwel darba, aktar minn 2,000 sena ilu.
Wieħed, intant, irid jistenna biex jara jekk is-sejba tal-metall tixħitx tassew dawl fuq misteru li ilu jinteressa lin-nies għal sekli.
L-arkeoloġisti jaħsbu li l-metall, f’dan il-każ, hu tat-tip ‘Orichalcum’. Fl-istess ħin, ingħad li l-vapur inkwistjoni hu l-ħames wieħed li nstab ‘il hinn mill-kosta ta’ Gela u li seta kien qed iwassal kunsinna mill-Greċja jew l-Asja Minuri qabel għereq f’tempesta.
Filwaqt li ħafna jaħsbu li Plato ivvinta l-Atlantis bħala ħrafa, oħrajn jinsistu li l-belt mitlufa tassew eżistiet u kellha destin traġiku.
Il-leġġenda tgħid li l-Belt Mitlufa ta’ Atlantis kienet tinsab f’nofs l-Oċean Atlantiku u li artha kienet akbar mit-territorju tal-Libja antika u l-Asja Minuri (it-Turkija tallum).
Skont il-leġġenda, il-belt kellha tegħreq u tgħib darba għal dejjem wara li r-residenti ‘ġibdu l-għadab tal-Allat li ddeċidew li jeqirduhom’.
Madankollu, ma naqsu qatt l-istejjer dwar din iċ-ċivilizzazzjoni mitlufa kif ukoll dwar ‘it-teżori fil-qiegħ tal-oċean’. Dan fost il-ħafna referenzi għall-metall ‘orichalcum’ li jingħad kien ikopri l-bini fl-artijiet ta’ Atlantis.
//= $special ?>