Filmat li jkexkex dwar l-attakk fuq l-uffiċċji tar-rivista satirika, juri lill-pulizija Ahmed Merabet (ritratt), mal-art jitlob għall-ħniena hekk kif wara inqatel b’tir f’rasu. Wara li sparawlu tir, l-irġiel armati li kellhom wiċċhom mgħammad u bil-Kalashnikov f’idejhom, jidhru jiġru u jieqfu qrib il-pulizija – li kellu jdejh ‘il fuq biex iċedi – qabel ma sparawlu tir fatali f’rasu, waqt li kien mixħut fl-art fuq il-bankina ‘l barra mill-uffiċċji f’Pariġi. Merabet, ta’ 42 sena, hu rappurtat li staqsa lill-qattiela tiegħu “Tridu toqtluni?” qabel ma allegatament wieġbu: “Iva kap.” Il-pulizija ħalla lil martu tibki t-telfa tiegħu. Merabet kien wieħed minn 12 li nqatlu fl-attakk terroristiku orribbli, li ħasad il-ħajja ta’ pulizija ieħor u ta’ għaxar persuni oħrajn, il-maġġoranza tagħhom ġurnalisti tar-rivista Franċiża.
Franck Brinsolaro, l-għassies pulizija tal-editur ta’ Charlie Hebdo, Stephane Charbonnier, ukoll inqatel mill-irġiel armati. Brinsolaro kien bilqiegħda fil-kamra editorjali flimkien ma’ Charbonnier meta l-aggressuri daħlu fil-kamra, fetħu n-nar u qatlu seba’ ġurnalisti. Brinsolaro ħalla lil martu u liż-żewġ uliedu jibku t-telfa tiegħu.
Kliem ta’ tifħir baqgħu jidħlu, f’siti tal-media soċjali, għaż-żewġ pulizija li nqatlu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Stephane Charbonnier, l-editur ta’ Charlie Hebdo li kellu 47 sena u magħruf bħala ‘Charb’, kien mhedded b’ħajtu fil-passat u kien qed jingħata protezzjoni mill-pulizija. L-editur ta’ Charlie Hebdo, li kellu 47 sena, kien f’laqgħa editorjali mal-vittmi l-oħrajn meta l-aggressuri daħlu fil-kamra fejn kienu u qatluhom kiesaħ u biered. Charbonnier, li darba kien qal “tpinġija qatt ma qatlet lil ħadd”, kien inkluż f’artiklu bl-isem ta’ Wanted Dead Or Alive For Crimes Against Islam, li kien pubblikat fl-2013 minn Inspire – rivista dwar propaganda terroristika, pubblikata minn al-Qaeda.
Fost il-maqtula kien hemm Mustapha Ourrad, editur dwar il-kopji tar-rivista Charlie Hebdo.
George Wolinski, li kellu 80 sena, kien jgħix f’Pariġi u kien miżżewweġ darbtejn. Hu kien ilu jpinġi l-karikaturi mis-snin Sittin. Wolinski kien twieled fit-Tuneżija u mar jgħix fi Franza meta kien tifel. Sakemm kellu 26 sena, hu kien qed jaħdem għar-rivista satirika Hara-Kiri, kunsidrata bħala l-prekursur ta’ Charlie Hebdo. Hu kien ippremjat bil-Legjun tal-Unur, l-ogħla dekorazzjoni fi Franza, fl-2005.
Jean Cabut, ta’ 76 sena, li wkoll kien magħruf bħala ‘Cabu’, kien il-karikaturist prinċipali tar-rivista, wara li stabbilixxa lilu nnifsu bħala wieħed mill-aktar karikaturisti magħrufa, f’karriera li damet 60 sena. Hu serva fl-armata Franċiża matul il-gwerra Alġerina għall-indipendenza fl-aħħar tas-snin Ħamsin, u wara pinġa l-karikaturi għal diversi pubblikazzjonijiet.
Bernard Verlhac, li kellu 57 sena, li pinġa l-karikaturi taħt l-isem ta’ Tignous, ippubblika l-ewwel xogħlijiet tiegħu fl-1980. Hu kien membru ta’ grupp ta’ artisti bl-isem ta’ Karikaturisti għall-Paċi, u wkoll kien membru tal-Press Judicaire, assoċjazzjoni ta’ ġurnalisti Franċiżi li rrapportaw fil-qrati. Hu bagħat l-aħħar tpinġija tiegħu – stampa tiegħu nnifsu jawgura s-Sena t-Tajba – lill-assoċjazzjoni fil-lejl qabel ma nqatel.
Bernard Paris, li kellu 68 sena, kiseb suċċess bħala ekonomista u ġurnalist. Hu kien jikteb fuq Charlie Hebdo kull ġimgħa, u kien kummentatur regolari dwar l-ekonomija; kien ukoll jgħallem l-ekonomija f’fergħa tal-Universita’ ta’ Pariġi.
Philippe Honore’, kien il-ħames karikaturist li nqatel fl-attakk. Kienet it-tpinġija tiegħu, li turi lill-mexxej tal-ISIS Abu Bakr al-Baghdadi jagħti l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida – “u speċjalment is-saħħa!” – li kienet l-aħħar waħda li qatt ġiet pubblikata fuq it-Twitter ta’ Charlie Hebdo, ftit mumenti qabel ma seħħ il-massakru.
Michel Renaud, kien wieħed miż-żewġ fundaturi tal-festival Carnet de Voyage fi Clermont-Ferrand. Dakinhar li nqatel, Renaud kien żar l-uffiċċji ta’ Charlie Hebdo ma’ Gerard Gaillard, membru ieħor tal-organizzazzjoni tiegħu, li rnexxielu jeħlisha minn dan l-attakk imdemmi. Hu mifhum li Renaud u Gaillard marru jżuru lil Jean Cabut, li kien il-mistieden distint fl-avveniment li seħħ is-sena li għaddiet.
Elsa Cayat, kienet psikjatra u psikoanalista, kif ukoll l-unika mara li nqatlet fil-massakru. Hi kienet tikteb kolonna, għal Charlie Hebdo, darbtejn fix-xahar, u ppubblikat kitbiet dwar ir-relazzjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa kif ukoll dwar is-sesswalita’.
Frederic Boisseau, kien jaħdem mal-kumpanija Franċiża tal-ikel Sodexo għal 15-il sena. Hu kellu 42 sena u kien missier ta’ żewġt itfal.
//= $special ?>