Franza kienet fuq ix-xwiek ilbieraħ hekk kif il-pulizija ħabbtu wiċċhom ma’ żewġ sitwazzjonijiet separati ta’ assedju ta’ terroristi u ħtif ta’ ostaġġi. Iż-żewġ każi kienu marbutin mal-attakk terroristiku li kien hemm kontra l-uffiċini tar-rivista ‘Charlie Hebdo’.
Sitwazzjonijiet li spiċċaw b’interventi tal-Pulizija fiż-żewġ każi, interventi li saru fl-istess ħin u li ġabu fi tmiem ġurnata mimlija tensjoni u żviluppi bla preċedent. L-ewwel rapporti qalu li t-tliet terroristi fiż-żewġ każi nqatlu u kien hemm rapporti konfliġġenti dwar vittmi fost l-ostaġġi.
L-ewwel ħtif ta’ ostaġġi beda kmieni lbieraħ filgħodu wara li Said u Cherif Kouachi, iż-żewġ aħwa ta’ nisel Alġerin li huma s-suspettati ewlenin wara l-attakk ta’ nhar l-Erbgħa fl-uffiċini ta’ Charlie Hebdo, spiċċaw assedjati mill-Pulizija fi stamperija f’zona industrijali fis-subborgi ta’ Pariġi f’Dammartin-en-Goele. Dan wara li l-pulizija kienu ilhom tlett ijiem jiġru warajhom.
Hawn huma ħatfu persuna bħala ostaġġ u stqarrew mal-pulizija li kienu lesti jmutu martri. F’dan il-każ l-ostaġġ, mara, salvat.
Ftit sigħat wara, fiz-zona ta’ Vincennes f’Pariġi, seħħet sparatura f’supermarket Lhudi u kien hemm rapporti li żewġ persuni nqatlu u kien hemm tal-anqas sitt persuni miżmuma ostaġġi. F’dan il-każ, dak li wettaq il-ħtif kien identifikat bħala Amedy Coulibaly, il-persuna mfittxija minħabba l-qtil ta’ pulizija mara nhar il-Ħamis f’Pariġi. Hawn wara l-intervent tal-Pulizija kien hemm rapporti ta’ vittmi fost l-ostaġġi. Hemm ukoll rapporti li hu kellu kompliċi u din aktarx kienet it-tfjala tiegħu Hayat Boumeddiene.
Il-Pulizija Franċiża lbieraħ żvelat li Coulibaly kien jaf lill-aħwa Kouachi u aktarx kien għenhom jaħarbu wara l-attakk fil-bini ta’ ‘Charlie Hebdo’.
Fil-fatt, waqt il-ħtif fis-supermarket, Coulibaly qal li ried li l-aħwa Kouachi jitħallew jaħarbu mill-post fejn jinsabu assedjati, inkella kien se jaqbad joqtol lill-ostaġġi.
Il-Pulizija Franċiża ħabbret ukoll li kienet qed tfittex li Hayat Boumeddiene, tfajla ta’ 26 sena li aktarx hi l-ħabiba ta’ Coulibaly.
Is-sitwazzjoni f’Dammartin-en-Goele affettwat ukoll it-titjiriet mill-ajruport ewlieni ta’ Pariġi, Charles de Gaulle. L-awtoritajiet qalu li kellhom ibiddlu r-rotot tal-ajruplani diretti u li qed jitilqu mill-ajruport, minħabba l-iżviluppi tal-bieraħ.