Ir-riforma li qegħdin nipproponu hija totalment mal-linja politika tal-amministrazzjoni preżenti, li fost oħrajn timmira għal simplifikazzjoni ta’ proċessi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, l-Avukat Michael Falzon, qal illi mhux qegħdin nikkritikaw dak li seta’ ġara qabel f’dan ir-rigward, iżda llum l-esperjenza ta’ għoxrin sena, u d-data kollha miġbura, urietna li nistgħu nagħmlu l-affarijiet aħjar u b’mod aktar effettiv.
Ġie sostnut ukoll illi m’għandhiex issir biss reazzjoni fuq dak li jkun seħħ fil-passat, iżda għandu jsir studju kontinwu li jħares ’il quddiem lejn aspetti iktar wiesgħa minn dak tat-traffiku biss. Michael Falzon saħaq li qed jiġu wkoll imħarsa l-possibbiltajiet għal dak li jissejjaħ ‘green travel’, kif ukoll użu aħjar tat-trasport pubbliku. Enfasizza li b’dan it-tibdil għandha titnaqqas il-burokrazija u jiġu simplifikati l-affarijiet. Dawn il-bidliet għandhom ukoll iwasslu għal użu aħjar tar-riżorsi ta’ kulħadd.
Finalment l-Avukat Michael Falzon saħaq fuq l-introduzzjoni ta’ studji tailor made fejn jidħlu progetti żgħar. Dan kollu għandu jwassal għal evalwazzjoni ħolistika kif ukoll għal tisħiħ mhux biss għas-sistema tat-traffiku u tal-ippjanar, iżda wkoll għat-trasport in ġenerali.
F’din il-konferenza stampa tkellmu wkoll il-Perit Lucien Stafrace li spjega fid-dettal dan il-proċess, kif ukoll iċ-Chairman tal-Awtorità tal-MEPA, il-Perit Vincent Cassar.
//= $special ?>