Il-Qorti Kostituzzjonali ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, ċaħdet ir-rikorsi tal-Federazzjonali Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti u l-Għaqda Kaċċaturi San Ubertu u ddikjarat “li ma jeżistux raġunijiet biex ma jsirx referendum” abrogattiv dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa u “għalhekk tgħid li r-Referendum għandu jsir.”
L-FKNK ressqet 6 oġġezzjonijiet li fuqhom ibbażat l-argument tagħha biex ir-referendum ma jsirx, bl-iktar tnejn importanti huma li r-referendum hu dwar liġi li jekk titneħħa tfisser ksur tal-obbligi ta’ Malta skont it-Trattati Ewropej u li f’Malta għandhom jitħarsu l-interessi tal-minoranzi.
Dwar il-liġi li tinsab fil-mira tar-referendum, jiġifieri l-Avviż Legali li japplika id-Deroga mid-Direttiva tal-Għasafar li tipprojbixxi l-kaċċa fir-Rebbiegħa, il-Qorti Kostituzzjonali qalet li deroga hija leġittima iżda ma tfissirx li hi obbligatorja. Il-Qorti kompliet li minnha innifisha, deroga hija mezz kif Stat Membru ma jimplimentax b’mod sħiħ xi Direttiva tal-Unjoni Ewropea.
Rigward l-oġġezzjoni ibbażata fuq il-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi, il-Qorti Kostituzzjonali innutat li m’hemm ebda dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tel-Konvenzjoni Ewropea dwar xi “dritt fundamentali għall-kaċċa”. Il-Qorti qablet li d-dritt tal-maġġoranza għandu jitwettaq b’rispett lejn id-dritt tal-minoranza iżda dan ma jinkisibx billi l-poplu ma jitħalliex isemma leħnu f’referendum.
L-Oġġezzjonijiet l-oħra, li kienu kollha miċħuda mill-Qorti Kostituzzjonali huma:
- Li l-Att dwar ir-Referendum jitkellem dwar “disposizzjoni jew disposizzjonijiet ta’ xi liġi” u mhux liġi sħiħa.
- Li l-persuni li qed iressqu l-petizzjoni għar-Referendum ma kienux korrettament indikati bħala l-ewwel firmatarji tal-petizzjoni.
- Li l-Kummissjoni Elettorali m’għamlitx il-verifiki meħtieġa li hemm numru biżżejjed ta’ firem validi u:
- Li l-Avviż Legali fil-mira tal-petizzjoni hi liġi fiskali minħabba il-ġbir ta’ liċenzji u għaldaqstant mhux suġġetta għal referendum