Lokali

Referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa: l-ewwel reazzjonijiet

Hekk kif aktar kmieni dalgħodu, il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li r-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa għandu jsir, bdew deħlin l-ewwel reazzjonijiet għal din l-aħbar. Minn tal-ewwel kienet il-Koalizzjoni għat-tneħħija tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa, li f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti u aktar tard fi stqarrija, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal din is-sentenza li fissritha bħala “Jum storiku għal Malta u rebħa ċara għad-demokrazija”.

F’kummenti lill-media, id-Deputat Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo, li hi membru tal-Koalizzjoni, qal li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali wriet b’mod ċar li dan kien tentattiv iddisprat tal-lobby tal-kaċċaturi biex iċaħħad lill-poplu milli jsemma’ leħnu dwar din il-kwistjoni. Hu qal li ż-żmien tal-ftehim minn wara l-kwinti bil-kaċċaturi jirrikattaw lill-partiti politiċi bil-vot spiċċa u l-Qorti tat il-poter lill-poplu biex jiddeċiedi hu b’mod dirett.

Cacopardo qal li minħabba t-timeframes li fihom jista’ jsir ir-Referendum, jiġifieri bejn nofs April u Lulju, il-probabbiltà hi li l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa għal din is-sena jilħaq jinfetaħ. Mistoqsi jaħsibx li se tintlaħaq il-kwota stabbilita ta’ aktar minn 50% tal-elettorat jixħet il-vot tiegħu, Carmel Cacopardo qal li r-Referendum se jsir flimkien mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li fihom, it-turnout hu ferm ogħla minn 50% stabbilit mil-Liġi biex ir-riżultat ikun wieħed validu.

Min-naħa l-oħra, l-Għaqdiet tal-kaċċaturi rrifjutaw stedina biex jieħdu sehem fil-programm Newsfeed tal-lejla fuq Net Television u mhux se jagħtu kummenti għalissa.