Kunsilli Lokali Lokali

Aġġornata (3): Ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa għall-11 t’April

Aġġornata (3)

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat iddeċieda d-data tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, l-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Prim Ministru żbalja li ddeċieda d-data għal skopijiet politiċi tiegħu meta dan huwa d-dmir tal-President skont il-liġi u mhux tal-Prim Ministru.

Id-deċiżjoni hija f’idejn il-poplu fir-referendum u l-poplu għandu jitħalla fil-libertà li jiddeċiedi mingħajr ma l-kwistjoni tiġi politiċizzata aktar milli hi sostna l-Partit Nazzjonalista..

Il-Partit Nazzjonalista se jiddiskuti din il-materja fl-istrutturi interni tiegħu fil-jiem li ġejjin kif inhu mistenni minn partit li jaħdem b’mod demokratiku ttemm tgħid l-istqarrija.

Anke’ l-FKNK ħarġu stqarrija wara li l-Prim Ministru ħabbar id-data tar-referendum, li fiha qalu li r-referendum huwa azzjoni anti-demokratika.

Ara vox-pop li għamel MaltaRightNow u li fih ħadna l-opinjonijiet ta’ diversi persuni dwar dan ir-referendum u l-kaċċa fir-rebbiegħa.

Il-Prim Ministru jħabbar id-data tar-referendum f’Konferenza tal-Aħbarijiet

F’Konferenza tal-Aħbarijiet li saret fl-aħħar minuti f’Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li d-data tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa se ssir fil-11 t’April.

Joseph Muscat qal li mhux se jkun qed jgħid lid-deputati Laburisti kif jivvutaw, madanakollu hu se jivvota favur il-kaċċa fir-rebbiegħa. Qal li wqat il-Ġimgħa Mqaddsa il-kampanja li se ssir bi tħejjija għal dan ir-referendum għandha tieqaf.

Il-fatt li r-referendum se jsir is-Sibt 11 t’April, ifisser li  skont il-proċedura normali, ikun ifisser li l-votazzjoni fid-djar tal-anzjani u l-votazzjoni għal dawk li mhux se jkunu f’Malta fil-11 t’April, se ssir ġimgħa qabel – jiġifieri Sibt il-Għid!

Aktar kmieni…

Is-sit MaltaRightNow.com jinsab f’pożizzjoni li jista’ jiżvela li aktarx il-Prim Ministru Joseph Muscat se jħabbar li r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa se jsir fil-bidu t’April, aktarx fil-11 t’April. Dan wara diskussjoni li saret waqt laqgħa tal-Kabinet tal-Gvern.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jħabbar l-intenzjoni tiegħu li jara li r-referendum isir fil-bidu t’April minkejja li d-data ta’ elezzjoni ta’ referendum abrogattiv hija prerogattiva tal-President tar-Repubblika biss u dan skont l-Att dwar ir-Referenda.

Huwa fil-każ ta’ elezzjoni ġenerali li l-President tiddeċiedi d-data tal-elezzjoni fuq il-parir tal-Prim Ministru, madanakollu dan m’huwiex il-każ fir-rigward ta’ referendum abrogattiv.

Madanakollu, fis-sigħat li ġejjin, Joseph Muscat mistenni jħabbar id-data preċiża ta’ dan ir-referendum, li kollox jindika li se jsir fil-bidu t’April. Ir-referendum abrogattiv se jiddetermina jekk il-kaċċa fir-rebbiegħa għandiex tibqa’ legali jew le.

Dan ikun ifisser ukoll li l-elzzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jsiru wkoll fl-istess ġurnata tar-referendum, kif anke kkonferma wkoll il-Prim Ministru.

Ragel Jivvota Votazzjoni Elezzjoni