Futbol Sport

Andre’ Schembri fil-paġni ta’ quddiem tal-gazzetti Ċiprijotti

L-għada li skorja l-ewwel gowl tiegħu mar-ritorn fl-iskwadra ta’ Omonia Nicosia f’Ċipru, il-Malti Andre Schembri reġa’ beda’ jisraq ix-xena fil-gazzetti tal-pajjiż hekk kif ritratt tiegħu jiċċelebra l-gowl jinsab fl-ewwel faċċatta ta’ wieħed mill-ġurnali tal-lum.

Il-midfielder avvanzat Malti lbieraħ hu skurja fir-ritorn tiegħu lura f’Ċipru ma’ AC Omonia Nicosia. Hu daħal bħala sostitut fil-75 minuta tal-logħba kontra Ethnikos Achnas u skurja fid-89 minuta għal skor finali ta’ 2-0.

Schembri, li llum għandu 28 sena, qatta’ żewġ staġuni ma’ Omonia, bejn l-2012 u l-2014 qabel ħalla l-klabb biex mar jilgħab fil-Ġermanja ma’ FSV Frankfurt.

Dan it-trasferiment kien iddiżappunta lill-partitarji ta’ Omonia għaliex kien sar wieħed mill-favoriti fil-klab wara li skurja 24 gowl fi 58 partita, u saħansitra rebaħ l-unur tal-aqwa skorer fl-ogħla diviżjoni fil-pajjiż.

Filfatt Schembri reġa’ ssieħeb ma’ dan il-klabb fil-5 ta’ Diċembru li għadda wara li l-avventura tiegħu fil-Ġermanja ntemmet.

Iktar aħbarijiet dwar trasferimenti lokali fuq Replay (Net Television).