Futbol Sport

Birkirkara bit-tielet rebħa infila

Birkirkara rreġistraw it-tielet rebħa infila u minkejja li għamlu siegħa bi plejer inqas irnexxielhom jikkontrollaw il-logħba kontra Tarxien għal ħinijiet twal.

Wara 13-il minuta bil-Karkariżi jdawru l-ballun, l-ewwel azzjoni waslet in-naħa l-oħra tal-grawnd meta Aboulezz qassam lejn Hevia Menendez li għadda minn bejn id-difensuri ta’ Birkirkara imma x-xutt tiegħu kien imblukkat minn Haber u finalment Bissi tajjar il-periklu.

Birkirkara rrispondew mas-16-il minuta meta Camenzuli ġera mal-linja u ta cross-shot li ġie salvat minn Mintoff.

Il-gowl wasal fis-27 minuta meta Fenech ta korner qasir lejn LEDESMA li minn ftit barra l-kaxxa, fajjar xutt mill-isbaħ bid-dawra li għadda minn bejn id-difensuri Tarxiniżi.

Imma karta ħamra diretta għal Bissi fit-32 minuta ħalliet lil Birkirkara b’għaxar plejers. Hevia seraq ballun lil Vukanac, avvanza u twaqqaf eżatt barra l-kaxxa minn Bissi li deher ifajjar daqqa f’wiċċ l-Ispanjol.

Minkejja li kienu bi plejer inqas, Birkirkara rnexxielhom jillimitaw id-danni u fit-53 minuta, kien Ledesma li għadda lejn Shodiya li ħarab fuq il-ġirja imma x-xutt tiegħu minn pożizzjoni angolata kien fjakk.

Fil-61 minuta Birkirkara kellhom ċans ikabbru l-iskor meta Sammut waqqa’ lil Gonzaga u r-referee Azzopardi ordna penalty.

Inkariga minnu Ledesma imma ra lil Mintoff isalva tajjeb.

Il-Karkariżi komplew jiddominaw, minkejja l-inferjorità numerika, u t-tieni gowl wasal fil-71 minuta. SHODIYA rċieva mingħand Ledesma, għamel ħerba fid-difiża Tarxiniża b’azzjoni personali, qasam il-kaxxa, b’finta waqqa’ lil Mintoff u skurja gowl sabiħ b’xutt angolat.

Fit-82 minuta r-Rainbows naqqsu l-iskor meta Hevia għadda lejn ABOULEZZ li kontra x-xejra tal-logħob għeleb lil Haber b’xutt angolat.

Dan il-gowl ta ftit tama lil Tarxien Rainbows imma Birkirkara baqgħu jattakkaw u fid-89 minuta saħansitra appellaw għal penalty ieħor meta Agius twaqqa’ fil-kaxxa imams r-referee ħalla l-logħob għaddej bil-Karkariżi finalment jiksbu rebħa oħra.