Lokali Saħħa

FILMAT: Mara sfurzata tmur klinika privata wara li tibqa’ ma’ tinqediex

Mara titkellem ma’ MaltaRightNow.com dwar l-esperjenza tagħha meta marret fil-Poly Clinic ta’ Raħal Ġdid u ma setgħetx tinqeda kif suppost minkejja li kellha appuntament.

Din il-pazjenta li ma xtaqitx li jixxandhar isimha spjegatilna kif kellha appuntament l-għada tal-Milied, fil-Poly Clinic ta’ Raħal Ġdid, biex isirilha l-ECG u jsirulha xi testijiet tad-demm. Iżda meta waslet qalulha li t-test tal-ECG ma setax isir għaliex it-tobba huma bil-leave. Dan minkejja li kellha l-appuntament.

Qalulha li jkun aħjar jekk tagħmel appuntament ieħor li d-data tiegħu kienet il-Ġimgħa 9 ta’ Jannar. Din il-mara marret iżda l-ECG reġa’ ma sarx għaliex it-tobba kienu fuq strike! Il-mara kompliet billi qaltilna li kull ma xtaqet kien li jinfurmawha li l-appuntament tħassar għaliex spiċċat biex tilfet ġurnata xogħol!

L-appell ta’ din il-mara, bħal persuni oħrajn li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com f’dawn l-aħħar xhur, hu biex il-poplu jingħata servizz tas-saħħa diċenti wara kollox kif kien imwiegħed mill-Gvern preżenti.

Fl-aħħar tal-kummenti tagħha din il-mara qaltilna li spiċċat, għaliex verament kellha bżonn, għamlet it-testijiet tad-demm u l-ECG fi klinika privata minħabba n-nuqqasijiet fis-servizz tas-saħħa tal-Gvern!

Segwi l-kummenti tal-mara fil-filmat