Futbol Sport

Id-debuttanti Mostin iħallu l-marka tagħhom

MOSTA……………………3
QORMI…………………..1

Mosta: O. Borg, R. Ekani, Y. Ossok, M. Brincat, D. Falzon, R. Grech, K. Magro (J. Brincat 90′), G. Roberts, I. Zammit, M. Ribeiro Dos Santos (K. Pulo 78′), D. Pinheiro De Sousa ( Z. Brincat 89′)

Qormi: M. Farrugia, B. Bondin (P. Viggiani 83′), M. M. Mazzetti Latini, J. Chetcuti (A. Cassar 64′), A. Effiong, C. Gauci, F. Temile, R. Micallef, E. Vella, Z. Levnaic, J. Bondin

Imwissija: M. Ribeiro Dos Santos, D. Falzon, O. Borg (M) J. Chetcuti, B. Bondin (Q)

Skurjaw: I. Zammit 35 min., D. Pinheiro De Sousa 71 min., R. Ekani 82 min. (M) P. Viggiani 80 min. (Q)

Referee: Clayton Pisani

Il-Mument Plejer tal-Logħba: D. Pinheiro De Sousa (M)

Mosta b’erba’ plejers debuttanti, l-eks Furjaniżi Diogo Pinheiro u Gary Roberts, Yannick Ossok u l-eks Valletta Ian Zammit, ħarġu rebbieħa 3-1 fuq Qormi u b’hekk kisbu l-ewwel rebħa fl-aħħar ħames logħbiet.

Logħba monotona għall-aħħar bl-ewwel azzjoni tasal biss fil-21 minuta meta Diogo Pinheiro ta kross lejn it-tieni lasta imma Ribeiro Dos Santos bir-ras ma laħaqx il-ballun li spiċċa barra.

Fil-31 minuta Temile għadda lejn Effiong li żmarka ruħu mid-difiża ta’ Mosta, avanza imma x-xutt tiegħu għadda barra.
Fil-35 minuta d-debuttanti jibdew iħallu l-frott għal Mosta wara li Diogo Pinheiro għadda lejn Ian ZAMMIT, avanza, ġie waħdu quddiem Farrugia u b’xutt imxellef mill-istess gowlkiper baqa’ sejjer ġewwa.

Fid-39 minuta Qormi qrib id-draw meta Ossok tajjar minn fuq il-linja għal korner ix-xutt ta’ Clifford Gauci.

Fit-tieni taqsima Mosta ħarġu fuq l-attakk u fit-53 minuta setgħu rduppjaw li kieku ma sfawx imċaħħda mill-mimduda. Kien Ribeiro Dos Santos li minn freekick dirett minn barra l-kaxxa ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jaħbat mal-lasta ta’ fuq.

Ħames minuti wara u Ribeiro mill-ġdid qrib il-gowl. Irċieva ballun fit-tul u ġera lejn il-gowlkiper Farrugia li ċaħħdu mill-gowl. Imma fil-71 minuta kien l-istess Ribeiro li ħarab mal-linja, laħaq il-ballun u ta kross lejn Diogo PINHEIRO DE SOUSA li kompla għal ġewwa bil-gowlkiper Farrugia megħlub.

Fit-80 minuta Mauricio MAZZETTI skurja minn freekick dirett minn barra l-kaxxa u naqqas l-iżvantaġġ. Imma dan il-gowl damu jgawduh biss żewġ minuti meta fuq in-naħa l-oħra tal-grawnd kien EKANI li kompla l-ballun għal ġewwa u ssiġilla l-logħba.

B’hekk tkompli l-kriżi ta’ Qormi li issa ilhom disa’ logħbiet ma’ jiksbu rebħa. Fl-aħħar logħbiet huma kienu megħluba minn Hibernians, Sliema Wanderers, Birkirkara u Valletta u ħadu draws ma’ Żebbuġ Rangers, Pietà, Naxxar u Balzan.