Minn Stewart Said
PIETA H…………..0
VALLETTA……..3
Pieta: D. Cassar, K. Micallef, L. Fortunato dos Santos, C. Grech, R. Rodrigues da Silva, D. Agius, O. Anonam (N. Pace Cocks 70’), K. Cesare, G. da Silva (Z. Kecskes 84’), C. Frances, L. Micallef (C. Stewart 88’)
Valletta> N. Vella, R. Camilleri, S. Borg, L. Dimech, I. Azzopardi, J. Caruana, R. Fenech, R.Briffa, A. Nafti (L. Cremona 78’), H. Barry (D. Camilleri 89’), L. Elford Alliyu (L. Montebello 81’)
Imwissija> R. Briffa 76’, I. Azzopardi 80’ (V)
Skorjaw> H. Barry 39’, 45’, L. Montebello 83’ (V)
Referee> Andre Arciola
Il-Mument Plejer tal-Logħba> Ryan Fenech (Valletta)
Attendenza> 708
Valletta kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva meta f’partita li ddominaw għelbu lil Pietà Hotspurs 3-0 u irrispondew għar-rebħa Karkariża aktar qabel biex baqgħu jaqsmu t-tieni post. Għall-Beltin spikkaw is-soliti Hamza Barry u Ryan Fenech li orkestraw nofs il-grawnd u ħolqu diversi okkażjonijiet. Pietà ppruvaw jilqgħu lill-avversarji iżda rari kienu perikolużi u baqgħu fil-post ta’ qabel tal-aħħar.
Il-kowċ Belti Ivan Zammit għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra Qormi, b’Jonathan Caruana u Roderick Briffa jirritornaw mal-ewwel ħdax flok Llywelyn Cremona u Luke Montebello iżda Shaun Bajada u Christian Caruana kienu neqsin.
Min-naħa l-oħra għal Pietà, li fl-assenza tal-kowċ Noel Coleiro li kien nieqes minn fuq il-bank, kien hemm Alfred Attard, kien hemm żewġ bidliet ukoll mit-telfa kontra Sliema, meta Leonardo Fortunato dos Santos u Gabriel da Silva irritornaw biex ħadu post l-imweġġa’ Cain Attard u Jurgen Pisani. Iżda Pietà sa issa għadhom ma sabux sostitut ta’ Rafael Xavier, Nikola Tasic u Terence Agius li ħallew lill-klabb.
Il-Beltin ħarġu fuq l-offensiva u wara seba’ minuti ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża meta Ryan Fenech ikkrossja lejn Hamza Barry iżda l-konklużjoni għaddiet għoli. Valletta marru viċin fit-23 minuta meta Roderick Briffa għadda lejn Hamza Barry iżda x-xutt għadda ftit barra u minuta wara xutt mid-distanza ta’ Ryan Fenech għadda barra.
Il-Beltin laqtu l-lasta fit-33 minuta meta Ryan Fenech għadda lejn Elford Alliyu li pprova b’xutt b’saħħtu li stampa mal-wieqfa. Pietà għal ftit ma marrux fil-vantaġġ meta minn passaġġ lura, Nicky Vella żelaq iżda rnexxilu jbiegħed il-periklu bi Claudio Frances għal ftit ma jieħux vantaġġ. Il-Beltin irritornaw fuq l-offensiva minuta wara meta Briffa kompla lejn Jonathan Caruana li xxuttja barra.
Fid-39 minuta Ryan Fenech prova jaħsad lil David Cassar b’xutt mid-distanza iżda l-gowlkiper ta’ Pieta kien pront u dawwar f’korner biex mill-istess korner, Valletta fetħu l-iskor. Kien korner ta’ Nafti lejn Roderick Briffa li kellu d-daqqa ta’ ras taħbat mal-mimduda u mill-viċin HAMZA BARRY kompla għal ġewwa.
Valletta appellaw għal penalty fit-43 minuta meta xutt ta’ Ryan Fenech allegatament ħabat ma’ id Christian Grech iżda r-referee Andre Arciola ħalla l-logħob għaddej. Iċ-Champions irduppjaw eżatt qabel il-mistrieħ meta minn korner ieħor ta’ Nafti, kien għal darba oħra HAMZA BARRY li din id-darba bir-ras għeleb lil Cassar.
Il-Beltin komplew it-tieni taqsima kif spiċċaw l-ewwel waħda u marru viċin it-tielet gowl fil-51 minuta meta Briffa għadda lejn Elford Alliyu iżda minn qagħda ideali ra lil Cassar jsalva x-xutt. Ryan Fenech reġa’ prova b’xutt ieħor fit-58 minuta li Cassar salva mingħajr ma żamm għal korner. Iżda minkejja l-attakki Beltin, Pietà marru viċin li jidħlu fil-partita fil-61 minuta meta xutt b’saħħtu ta’ Dylon Agius stampa mal-mimduda u niżel fuq il-linja.
Valletta għamluhom tlieta fit-83 minuta meta Hamza Barry kkrossja fil-baxx lejn Cremona li b’finta tajba ġab lil LUKE MONTEBELLO waħdu u wara li kkontrolla għeleb lil Cassar b’xutt fil-baxx. Pietà għal ftit ma skorjawx il-gowl tal-bandiera fit-88 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ Claudio Frances li Vella salva f’darbtejn.
//= $special ?>

