Tlett ġranet ta’ vjolenza fi Franza ġew fi tmiemhom meta l-Ġimgħa filgħaxija l-pulizija wettqet żewġ operazzjonijiet. F’Dammartin-en-Goule, fi tramuntana ta’ Pariġi, l-aħwa li huma suspettati li kienu l-militanti li attakkaw l-bini tar-rivista Charlie Hebdo nhar l-Erbgħa li għadda nqatlu fi sparatura ma’ forzi tas-sigurta.
Minn naħa l-oħra f’Porte de Vincennes, f’ħanut tal-ikel Lhudi, Amedy Coulibaly ta’ tnejn u tlettin sena li ħataf il-ħanut bl-ostaġġi fih inqatel waqt sparatura mal-pulizija. F’dan il-ħtif kienu erbgħa l-ostaġġi li nqatlu bl-awtoritajiet jispjegaw li l-ostaġġi nqatlu minn Coulibaly waqt il-ħtif u mhux waqt l-operazzjoni tal-forzi tas-sigurta li wasslet għal mewt ta’ Coulibaly.
Bosta nies kienu midruba waqt l-operazzjoni tal-pulizija filwaqt li ħmistax il-ostaġġ ħelsuha b’wiċċ il-ġid. Huwa maħsub li Coulibaly huwa l-persuna responsabbli tal-qtil ta’ Clarissa Jean-Philippe, pulizija ta’ sitta u għoxrin sena f’Montrouge, fix-xlokk ta’ Pariġi. Coulibaly huwa wkoll suspettat li kien ħabib mill-qrib tal-aħwa Kouachi li wettqu l-attak fuq Charlie Hebdo.
Il-pulizija Franċiża issa qed tfittex lil Hayat Boumeddiene ta’ sitta u għoxrin sena u li hija maħsuba li kienet is-sieħba ta’ Coulibaly.
//= $special ?>