Internazzjonali

L-attakki kontra l-ISIS kienu suċċess

Azzjonijiet militari mill-ajru mmexxija mill-Istati Uniti, kontra l-militanti tal-ISIS fl-Iraq u u fis-Sirja, ħolqu danni jew qerdu 3,222 mira minn Awwissu ‘l hawn. Il-miri li ntlaqtu mill-azzjonijiet militari inkludew 58 tank tal-gwerra, 184 Humvee, 673 qagħda għall-ġlied kif ukoll 980 binja jew barracks.

Il-Kurunell Steve Warren, kelliem għall-Pentagon, qal li hu ma kienx ċert kemm il-mira nqerdet, “iżda ninsab fiduċjuż li l-livell ta’ qerda kien wieħed kbir. L-azzjonijiet militari tagħna huma preċiżi ħafna.”

Sa nhar it-Tlieta li għadda, forzi militari Amerikani u tal-koalizzjoni kienu wettqu 1,676 attakk mill-ajru kontra l-militanti tal-ISIS fl-Iraq u fis-Sirja. Kelliem għall-Penatgon qal li intużaw madwar 4,775 munizzjon. Il-Kurunell Warren naqas milli jwieġeb dwar x’kien il-perċentwal ta’ tagħmir tal-ISIS li nqered.

Pajjiżi li l-forzi tagħhom ipparteċipaw fl-azzjonijiet militari fl-Iraq huma: l-Awstralja, il-Belġju, ir-Renju Unit, il-Kanada, id-Danimarka, Franza u l-Olanda. Dawk li qed jipparteċipaw fl-attakki fis-Sirja huma l-Bahrain, il-Ġordan, l-Arabja Sawdita u l-Emirati Għarab Magħquda.