Mara mweġġa’ li tkellmet ma’ MaltaRightNow.com esprimiet rabja kbira għal ittra li rċeviet fid-dar tagħha miċ-Ċentru Nazzjonali għall-iScreening.
L-ittra hija indirizzata għar-raġel tagħha, li sfortunatament tilef il-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer sentejn u tmien xhur ilu.
Fl-ittra, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-iScreening jistieden lil dan ir-raġel biex jaħtaf opportunita’ unika u jipparteċipa fil-iscreening tal-kanċer tal-musrana.
Mart dan ir-raġel, f’kummenti ma’ MaltaRightNow, esprimiet rabja u swied il-qalb fl-istess ħin: “din vera tweġġa’… meta tkun tlift lir-raġel tiegħek wara ġlieda kontra l-kanċer, ittra bħal din tweġġak” sostniet din il-mara, “speċjalment wara ftit aktar minn sentejn u nofs biss mindu tkun tliftu.”
Dan il-każ mhux l-ewwel darba li seħħ. F’Ġunju li għadda dan is-sit irrapporta każ ieħor li fih, raġel li kien ilu mejjet tletin sena, irċieva invit simili.
Il-mara, li hi omm ta’ tfajla ta’ 21 sena, tkellmet ukoll dwar il-mod kif minkejja li r-raġel tagħha ilu mejjet għal sentejn u tmien xhur, bintha kella tapplika tlett darbiet għall-istupendju supplimentari. Kull sena li tgħaddi, jerġgħu jitolbu lil din il-familja għaċ-ċertifikat tal-mewt tar-raġel.
“Jekk it-tifla tiegħi ingħatat stupendju supplimentari aktar minn sentejn ilu, għaliex jerġgħu jiftħu l-ferita kull sena, u jerġgħu jitolbu għaċ-ċertifikat tal-mewt ta’ missierha?” tistaqsi l-omm, “nuqqas ta’ organizazzjoni fid-Dipartimenti tal-Gvern li jiftħulek il-ferita mill-ġdid” ittemm tgħid din l-omm.
Kopja tal-ittra li rċeviet din il-mara tinsab hawn taħt, bid-dettalji personalizzati mgħottija sabiex jipproteġu l-identita’ tal-familja.
//= $special ?>