Futbol Sport

Żebbuġ Ranġers jgħelbu lil Sliema Wanderers

Żebbuġ Rangers kisbu t-tieni rebħa fil-Kampjonat meta meritatament għelbu lil Sliema Wanderers 2-1 u minkejja li baqgħu fil-qiegħ tal-klassifika resqu aktar viċin it-timijiet l-oħra u jkomplu jittamaw li jiġbru aktar punti qabel ma jispiċċa t-tieni rawnd.

Min-naħa l-oħra għal Sliema kompla l-kampjonat diżappuntanti tagħhom meta għadhom ma jistgħux jaqbdu r-ritmu b’inkonsistenza li ħalliethom f’nofs il-klassifika.

Wara l-wirja qalbiena kontra Hibernians, Żebbuġ komplew jaħdmu matul il-ġimgħa u rreġistraw lil Manuel Bartolo, Paltemio Barbetti u Rashid Yussuf li flimkien ma’ Matthew Gauci ġew inklużi mill-ewwel minuta minflok Jeffrey Farrugia u s-sospiżi Jacob Borg, Yessous Camilleri u Kurt Zammit.

Il-kowċ ta’ Sliema Stephen Azzopardi għamel tliet bidliet mir-rebħa kontra Pietà fejn Scozzese ħa post Biancardi u Muscat ħa post Martinelli fid-difiża filwaqt li Bocar ħa post Fabio Mangiacasale li ħalla Malta wara li kien ‘homesick’.

Kienu Sliema li marru viċin wara disa’ minuti meta xutt mid-distanza bix-xellug taż-żagħżugħ Aidan Friggieri stampa l-mimduda. Żewġ minuti wara Żebbuġ marru viċin meta Muchardi għadda lejn Yussuf li kellu x-xutt salvat parzjalment minn Zammit iżda mir-rebound Britto xxuttja għoli.

Friggieri reġa’ pprova fid-19-il minuta b’xutt minn tarf il-kaxxa iżda din id-darba l-ballun spiċċa barra. Żebbuġ bdew iżidu fil-logħob u fil-31 minuta marru qrib meta xutt mill-ewwel ta’ Thomas Paris għadda ftit barra. Minuta wara Żebbuġ kellhom l-aħjar azzjoni tat-taqsima meta Muchardi għadda lejn Britto li avanza iżda minn qagħda ideali, ikkonkluda dgħajjef u Zammit salva.

Żebbuġ ingħataw penalty fl-34 minuta meta bi trijangolazzjoni perfetta bejn Yussuf, Monti u Britto, tal-aħħar qabeż lil Glenn Zammit iżda twaqqa’ minn Andrea Scozzese. Ir-referee Fyodor Zammit ordna penalty u wera l-karta l-ħamra lid-difensur Taljan. Mill-11-il metru CARLO MONTI ma żbaljax.

Sliema ma setax kellhom bidu aħjar fit-tieni taqsima meta appena minuta ġabu d-draw. Kien DJUMO BOCAR li b’azzjoni personali daħal fil-kaxxa u b’xutt preċiż fil-baxx għeleb lil Bartolo.

Minkejja li b’raġel anqas, Sliema bdew jaqsmu l-logħob iżda rari kienu perikolużi. Żebbuġ f’xi mumenti bdew jistennew l-avversarji u joperaw bil-kontrattakki wkoll rari kienu perikolużi.

Dan sakemm Żebbuġ marru fil-vantaġġ fit-80 minuta meta minn kross ta’ Monti, ballun li deher faċli għal Glenn Zammit, daħal tajjeb MAURICIO RODRIGUES BRITTO li b’xutt b’saħħtu għeleb lill-gowlkiper Slimiż. Żewġ minuti wara ż-Żebbuġin reġgħu marru viċin meta Britto qassam lejn Yussuf iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet fuq il-lasta.

Sliema wieġbu fil-85 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ Andrea Pisanu li għadda ftit barra u sat-tmiem, Żebbuġ ikkontrollaw u ħadu tliet punti importanti.