Aġġornata
Folol kbar u madwar 40 mexxej dinji ħadu sehem f’manifestazzjoni ta’ għaqda f’Pariġi wara li 17-il persuna nqatlu fi tliett ijiem ta’ attakki mdemmija.
Il-marċ, li tmexxa mill-qraba tal-vittmi tal-attakki li twettqu din il-ġimgħa, beda minn Place de la Republique.
Fost il-mexxejja li attendew ir-rally kien il-Prim Ministru Ingliż David Cameron, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, il-mexxej Palestinjan Mahmoud Abbas, il-Prim Mnistru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, il-Prim Ministru tal-Italja Matteo Renzi u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.
Il-mexxejja dinjija osservaw minuta silenzju, u mxew id f’id b’turija ta’ solidarjeta’.
Aktar minn miljun persuna ħonqu t-toroq ta’ Pariġi f’din l-attivita’. Madwar elfejn pulizija u aktar minn elf u tlett mitt suldat – fosthom tiraturi fuq il-bjut – intbagħtu biex jipproteġu lil dawk li ħadu sehem fil-marċ.
Is-slogan ‘Je suis Charlie’ deher ma kullimkien, fosthom, fuq banners u fuq it-T-shirts. Ma naqsux bnadar ta’ Franza li nġarru mid-dimostranti.
L-organizzaturi saħqu biex Franza toffri opportunita’ ta’ għaqda kontra l-vjolenza li bdiet nhar l-Erbgħa meta żewġ aħwa attakkaw l-uffiċċju tar-rivista Charlie Hebdo.
Manifestazzjonijiet simili saru fi bliet Ewropej oħrajn, fosthom f’Londra, f’Madrid u anke f’Malta.
//= $special ?>