Il-frott taċ-ċitru kien fic-ċentru tal-Festa Ċitru organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija.
Fil-wirja kien hemm għall-bejgħ frott taċ-ċitru u prodotti oħra magħmula minn dan il-frott bħal kejkijiet u pastini bl-ingredjent ewlieni jkun dejjem il-larinġ jew il-lumi.
Għall-wiri wkoll numru ta’ larinġ maqtugħ minn diversi ġonna privati.
Il-qligħ li jsir minn din l-attivita jmur kollu b’risq il-pitturi tal-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Salvatur f’Ħal Lija.
Is-Sindku ta’ Ħal Lija Magda Magri Naudi spjegatilna d-diżappunt tagħha li, minkejja l-isforzi tal-Kunsill biex jorganizza din l-attivita’, għall-ewwel darba l-Kunsill ma sabx l-appoġġ finanzjarju meħtieġ. Fil-fatt il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija ma ngħatax fondi għall-attivitajiet kulturali – kif kien ilu jirċievi għal dawn l-aħħar snin.
Kuntrarju għal dak li kien iseħħ kull sena, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija intalab ħlas ukoll għall-istands li s-soltu kien jissellef b’xejn mingħand l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu.
Dan kollu wassal biex tonqos sew id-donazzjoni li s-soltu tingħata lill-Parroċċa ta’ Ħal Lija minħabba li ħafna mill-qligħ li sar minn din l-attivita kellu jmur biex ikopri l-ispejjeż li ġġorr magħha attivita’ bħal din.
//= $special ?>