Futbol Lokali Sport

Filmat: Politiċi jingħaqdu fil-ġlieda kontra l-match fixing u l-illegal betting f’Malta

Wara li Replay tal-Ħadd li għadda ddiskuta l-kliem iebes u qawwi tal-Integrity Officer tal-MFA Franz Tabone dwar il-ġlieda ta’ pajjiżna kontra l-match fixing u l-illegal betting, żewġ politiċi, David Agius u Robert Cutajar, ingħaqdu f’din il-ġlied għall-ġid tal-futbol lokali.

Filfatt fl-aħħar sigħat, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar poġġa mistoqsija parlamentari dwar dan is-suġġett lill-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela.

Il-mistoqsija tgħid hekk: “Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ allegat korruzzjoni fil-futbol lokali ġie jew qed jiġi nvestigat mill-Pulizija matul dan l-istaġun (2014/15)? Jista’ l-Ministru jindika kemm u liema logħbiet ġew jew qed jiġu nvestigati mill-Pulizija jekk kemm-il darba saru jew qed isiru investigazzjoni fuq allegat korruzzjoni?”

Din il-mistoqsija Parlamentari mistennija tkun imwieġba fil-jiem li ġejjin.

Intant anke’ l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport, David Agius tkellem dwar dan is-suġġett u wiegħed li wara li segwa l-programm Replay, se jkun qed jieħu l-problema tal-match fixing fuq liveel ogħla.

Dan is-suġġett spiċċa fiċ-ċentru tad-diskussjoni fuq livell nazzjonali wara li l-paġna ta’ Replay fuq Facebook irriproduċuet il-kummenti li kiteb Franz Tabone, Integrity Officer tal-MFA, fi newsletter li joħroġ kull xahar.

Hu qal li “l-futbol Malti hu infestat minn persuni li jitrattaw il-livell tal-logħba fl-inqas livell possibli” waqt li żied jgħid ukoll li “meta nippruvaw niġġieldu l-problema tal-match fixing xi persuni jgħidulna li qed niġġieldu l-impossibli. Il-match fixing kiber tant li ħafna jemmnu li kull logħba hi rranġata. Il-poplu jaf li għandna klabbs jiffinanzjaw l-operazzjonijiet kollha tagħhom bl-irranġar tal-logħob.”

Waqt il-programm Replay, li jixxandar fuq Net Television, Tabone spjega aħjar x’ried ifisser b’dawn il-kummenti. Tkellem ukoll is-Segretarju tal-MFA, Bjorn Vassallo li saħaq fuq l-importanza li l-MFA għandha bżonn aktar għajnuna mill-awtoritajiet lokali sabiex jiġi miġġieled dan il-kankru li qed jeqred il-futbol mhux biss f’Malta iżda anke internazzjonalment.

Jidher ċar li din in-newsletter inkitbet wara li għal żmien twil ftit jew ħadd mill-politiċi ma tkellmu jew indirizzaw din il-problema. Iżda meta ġimgħa ilu ħarġet l-istorja li Ched Evans jista’ jiffirma ma’ Hibernians f’Malta, il-politiċi qalu tagħhom dwar il-possibilta’ ta’ dan it-trasferiment.

Waqt il-programm Replay ta’ ġimgħa ilu, il-mistieden residenti tal-programm, l-Avukat Matthew Paris qal li jixtieq jara l-politiċi jitkellmu dwar il-problema tal-match fixing fil-futbol Malti bl-istess mod kif kien hemm min ħa interess li jitkellem jew jikteb tweets fuq l-Internet dwar il-każ Ched Evans.