Lokali

Għall-Kuntistabbli tal-Belt il-leave kważi sar impossibbli

Il-Kuntistabbli tal-Pulizija fil-Belt Valletta spiċċaw f’sitwazzjoni fejn kważi sar impossibbli li jieħdu l-leave. Dan wara li, kawża tal-attakki terroristiċi fi Franza, f’pajjiżna żdiedet is-sigurta’ u wkoll fixed point ġdida mal-Ambaxxata Franċiża f’Melita Street fil-Belt Valletta.

Dan ifisser li issa l-Pulizija mill-Għassa tal-Belt iridu jlaħħqu ma’ fixed point ġdida mal-Ambaxxata Franċiża, kif ukoll għassa ma’ dik Torka, waħda fi Triq Santa Luċija u żewġ fixed points ma’ Kastilja. Kuntistabbli ieħor hu x-xufier tal-għassa filwaqt li ieħor jinżamm fl-għassa biex jilqa’ r-rapporti li jidħlu.

Dan ifisser li hemm għaxar Kuntistabbli marbuta b’biċċa xogħol ta’ kuljum, għaliex kull fixed point mal-Ambaxxati għandha assentjati żewġ uffiċjali fuq shifts ta’ erba’ sigħat. Minn din l-għassa saħansitra jintbagħtu wkoll Pulizija fuq xogħol f’postijiet pubbliċi barra mid-distrett.

U hekk kif fil-jiem li ġejjin jirritorna l-Parlament, li normalment jirrikjedi minimu ta’ tliet Pulizija, dan iħalli biss allokazzjoni ta’ Kuntistabbli wieħed minn medja ta’ tlettax jew erbatax-il Kuntistabbli fl-għassa tal-Belt.

Dan wassal biex għal dawn l-uffiċjali sar kważi impossibbli li jingħataw il-leave tant li fl-aħħar jiem kien hemm min kellu bżonn imma lanqas biss applika għaliex kien jaf li għalxejn.