Lokali

Il-Forzi tal-Ordni b’għajnejhom aktar miftuħa wara t-terrur ta’ Pariġi

Il-Forzi tal-Ordni Maltin huma b’għajnejhom aktar miftuħa fuq min dieħel u ħiereġ minn pajjiżna wara t-terrur ta’ 48 siegħa li seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa fil-kapitali Franċiża fejn numru ta’ persuni tilfu ħajjithom f’attakki terroristiċi differenti.

Nifhmu li l-Forzi tal-Ordni Maltin huma f’kuntatt kontinwu mal-Pulizija internazzjonali li magħhom tinbidel u tinkiseb informazzjoni dwar movimenti ta’ terroristi u nies suspettati li jistgħu jkunu involuti fi ċrieki u f’organizzazzjonijiet fundamentalisti jew estremisti li jwasslu l-kawżi tagħhom permezz ta’ atti terroristiċi.

Bla dubju ta’ xejn li Malta tinsab f’pożizzjoni mill-aktar strateġika f’dan ir-rigward minħabba l-qagħda ġeografika tagħha bejn l-Afrika ta’ Fuq u n-naħa ta’ isfel tal-Ewropa. Is-sitwazzjoni instabbli f’diversi pajjiżi Għarab fin-naħa ta’ isfel tal-kontinent tista’ twassal biex persuni li jridu jimirħu jieħdu vantaġġ minn din id-dgħufija.

Is-sitwazzjoni fraġli f’pajjiż bħal-Libja fejn il-kontrolli huma diskutibbli ħafna qed twassal biex minn portijiet varji joħorġu u jidħlu diversi persuni u wħud minnhom jagħżlu lil Malta biex jidħlu u jinfiltraw fl-Ewropa.

Sfortunatament l-instabbiltà politika fil-Libja – bi Gvern Leġittimu jmexxi minn Tobruk u bi gvern illeġittimu ieħor imexxi mill-kapitali Tripli – qed twassal biex tinħoloq tensjoni anki fl-Ambaxxati li l-Libja għandha mxerrda ma’ diversi pajjiżi, fosthom, u forsi l-aktar, f’Malta fejn dawk leali lejn parti jew oħra huma numerużi fin-numru.

Sa aktar kmieni din il-ġimgħa l-Ambaxxata tal-Libja f’Ħal Balzan reġgħet kienet fl-aħbarijiet minħabba konflitti bejn dawk li huma segwaġi tal-Gvern Leġittimu ta’ Tobruk u dawk li huma segwaċi tal-gvern illeġittimu bbażat fi Tripli.

Dawn iż-żewġ fazzjonijiet jafu tajjeb li r-rwol ta’ Malta f’dak kollu li qed jiġri fil-Libja hu wieħed mill-aktar partikolari mhux biss minħabba l-viċinanza ta’ pajjiżna lejn il-Libja u għaliex pajjiżna dejjem kien pajjiż ħabib u ġar tal-Libja, imma anki għaliex illum Malta tgawdi reputazzjoni u stima kbira fid-diversi fora internazzjonali, fosthom ukoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea fejn allura tista’ twassal ukoll il-vuċi tal-Libja fl-ogħla istituzzjonijiet tal-istess Unjoni Ewropea.

Il-Forzi tal-Ordni Maltin nifhmu li qed jagħmlu ħilithom kollha biex isegwu dak li jkun qiegħed jiġri f’pajjiżna bid-dħul u l-ħruġ ta’ persuni, iżda dan ix-xogħol hu verament diffiċli, aktar u aktar meta jirriżulta li ċerti persuni qed isibu refuġju u kenn fl-ambaxxati rispettivi ta’ pajjiżhom f’pajjiżna.

Bla dubju ta’ xejn li rwol mill-aktar kruċjali f’dan kollu hu f’idejn is-Servizz tas-Sigurtà li flok jiffoka aktar fuq ċertu affarijiet, għandu jinvesti aktar ħin isegwi ċerti persuni ta’ nazzjonalità barranija li huma deħlin u ħerġin minn pajjiżna bħal qisu mhu xejn.

Ilkoll niftakru tajjeb ħafna kif fil-passat mhux l-ewwel darba li isem Malta xxandar fl-aħbarijiet internazzjonali wara li nqatlu f’pajjiżna stess personalitajiet barranin minn qattiela li ntbagħtu f’Malta apposta.