It-terrorista Amedy Coulibaly kien ipproduċa filmat, twil xi seba’ minuti u nofs, qabel ma attakka s-supermarket Lhudi u qatel erba’ ostaġġi.
F’dan il-filmat, li kien editjat, Coulibaly wiegħed lealta’ lejn l-ISIS u lejn il-Kalif Abu Bakr al-Baghdadi. L-istess filmat juri lit-terrorista jitħarreġ fiżikament.
Il-filmat ħareġ hekk kif Coulibaly, li wkoll qatel pulizija mara, kien assoċjat mal-isparatura li saret fuq persuna li kienet qed tiġri u fl-istess jum li 12-il persuna nqatlu fil-massakru fil-kwartieri tar-rivista satirika Charlie Hebdo.
Forzi tas-sigurta’ Franċiżi wkoll ħarġu dettalji dwar ħażna ta’ armi, fosthom, rifles awtomatiċi u splussivi. Dawn instabu fl-aħħar indirizz ta’ Coulibaly, f’appartament f’Gentilly, ‘il barra minn Pariġi.
Prosekuturi Franċiżi qalu li minn testijiet ballistiċi li saru fuq skrataċ wara l-isparatura fis-subborg Franċiż ta’ Fontenay aux Roses, irriżulta li kienu kompatibbli mal-arma awtomatika li ntużat fis-supermarket Lhudi.
Coulibaly inqatel b’diversi tiri minn qawwiet speċjali tal-pulizija Franċiża.
Sadattant il-familja ta’ Amedy Coulibaly ikkundannat l-attakki f’Pariġi, tat il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi filwaqt li qalet li hi ma taqsamx l-ideat estremi tiegħu.
//= $special ?>