Internazzjonali Kurżitajiet

L-ISIS qed jhedded li jeqred il-ħitan antiki ta’ Nineveh

L-ISIS qed jhedded li jeqred il-ħitan ta’ Nineveh, il-kapitali antika tal-imperu Assirjan. Dan it-theddid hu l-aħħar minn sensiela ta’ atti ta’ vandaliżmu kulturali.

Persuni li joqogħdu fiz-zona ta’ Bab Nergal f’Mosul, qrib is-sit storiku ta’ Nineveh, qalu li l-militanti qalulhom li kienu se jeqirdu l-ħitan jekk ikunu attakkati mill-armata Iraqina.

Nineveh xi darba kienet l-ikbar belt fid-dinja, b’popolazzjoni ta’ 150,000 persuna fis-sena 700 Qabel Kristu. Għalkemm illum jeżistu fdalijiet tagħha, il-belt ta’ Nineveh hi mdawwra b’ilqugħ tal-briks li għandu medda ta’ 7.5 mili.

Matul ix-xahar li għadda, l-ISIS ħataf mijiet ta’ relikwiji Assirjani mill-mużew kulturali ta’ Mosul, kif ukoll qered monumenti Assirjani fil-belt, għax skont l-ISIS dawn ‘jostakolaw lill-Iżlam’.