Lokali

LEISURE CLOTHING: Irjus għolja fil-Gvern bi pressjoni għall-ħruġ tal-Visas

Pressjoni diretta u ħarxa mill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjnali taħt l-eks Ministru Manuel Mallia biex jinħarġu visas lil ċittadini mill-Korea ta’ Fuq fost oħrajn. Dan minkejja li ma kellhomx permess biex jaħdmu konfermat mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ biex jinġiebu jaħdmu fil-Leisure Clothing f’Malta

Jikber l-iskandu tal-Leisure Clothing bis-sehem ta’ rjus għolja fil-Gvern

Il-gazzetta il-mument il-Ħadd żvelat li hi infurmata li fil-perijodu li Manuel Mallia, l-eks Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, kien imexxi l-istess portafoll, kienet issir pressjoni kbira lis-Central Visa Unit u lit-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija biex jinħarġu dokumenti ta’ visas lil ċittadini mill-Korea ta’ Fuq u oħrajn miċ-Ċina ħalli jiġu jaħdmu fil-fabbrika Leisure Clothing (factory) Limited. Din il-pressjoni kienet ripetuta u ssoktat saħansitra wara li din il-gazzetta, fl-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru li għadda, żvelat l-iskandu ta’ traffikar uman u prekarjat konness mal-fabbrika Leisure Clothing.

Skandlu li jinvolvi rjus kbar fil-Gvern Laburista

Il-mument żvelat li matul din il-ġimgħa kompla jikseb aktar informazzjoni dwar l-operat tal-Leisure Clothing – li hemm anki min qiegħed jipprova jeżonara lit-tmexxija tagħha minn dan l-iskandu, anki fi ħdan il-Qrati Maltin – li komplew jikxfu aktar dan l-iskandu u r-rabtiet tiegħu ma’ irjus kbar fil-Gvern.

Dan l-abbuż kien ilu għaddej diversi snin sa minn ftit taż-żmien wara li t-tmexxija tal-kumpanija għaddiet direttament f’idejn Bin Han, id-Direttur Maniġerjali ta’ Leisure Clothing, li flimkien ma’ kollega tiegħu miċ-Ċina qed jiffaċċjaw akkużi serji quddiem il-Qrati Maltin.

Iżda fid-dawl ta’ dan kollu, irjus kbar fil-Gvern, fosthom fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali li kien jitmexxa mill-eks Ministru Manuel Mallia dawn l-abbużi u ħniżrijiet mhux talli komplew, iżda rrankaw u ħadu xejriet ġodda.

L-eks Ministru Manuel Mallia jżur il-fabbrika Leisure Clothing

Il-Ministru Manuel Mallia mhux l-ewwel darba li żar il-fabbrika Leisure Clothing f’Bulebel. Fost dawk li tawh merħba kien ikun hemm Bin Han u anki Adrian Grech Cumbo li jokkupa kariga għolja fl-istess fabbrika u jmexxi wkoll il-ħanut tal-ħwejjeġ Label C Boutique fix-Xatt ta’ Tas-Sliema.

Pressjoni fuq is-Central Visa Unit

Mhux eskluż li l-eks Ministru Manuel Mallia kien personalment iċempel lis-Central Visa Unit biex jagħmel pressjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti ta’ visas lil ċittadini mill-Korea ta’ Fuq u miċ-Ċina.

Darba minnhom meta uffiċjal għoli fl-istess Ministeru ċempel lis-Central Visa Unit u l-ħaddiema ma rrispondewx it-telefon mill-ewwel għax kienu fuq biċċa xogħol oħra, sa qam plejtu u sar theddid li lill-ħaddiema li kien hemm kienet se tinħarġilhom twissija.

Tfajliet mill-Korea ta’ Fuq

Minn investigazzjonijiet li għamlet il-gazzetta il-mument matul din il-ġimgħa jidher li fl-aħħar xhur biss mas-70 ħaddiem, kważi kollha tfajliet, mill-Korea ta’ Fuq se jkunu ngħataw il-visa biex jidħlu f’Malta u jaħdmu mal-Leisure Clothing u li għal dawn l-aħħar xhur l-operat tagħha kien taħt il-lenti minħabba allegazzjonijiet serji ħafna ta’ traffikar uman.
Dawn il-ħaddiema, li mal-55 minnhom ingħataw il-permessi kollha mill-Ambaxxata ta’ Malta fiċ-Ċina biex jidħlu f’Malta u jaħdmu – bħallikieku f’Malta m’hawnx ħaddiema li kapaċi jaħdmu fil-qasam tat-tessuti – ġejjin mill-pajjiż tal-Korea ta’ Fuq immexxi mid-dittutur Kim Jong-un.

Jidher li dan iċ-ċirku ta’ abbuż qiegħed jissokta b’aktar ċittadini mill-Korea ta’ Fuq jistennew li jingħataw il-visa biex jidħlu Malta u jaħdmu fil-Leisure Clothing.

L-aħbar li l-Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina, bil-kollaborazzjoni tas-Central Visa Unit u tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija Maltija, qed toħroġ il-permessi biex tfajliet mill-Korea ta’ Fuq jinġiebu Malta biex jaħdmu fil-Leisure Clothing taħsad lil kulħadd.

L-aktar lil dawk li b’xi mod jew ieħor ikollhom x’jaqsmu mal-ħruġ tal-visa għax jafu tajjeb li l-affarijiet f’dan ir-rigward m’hux qed isiru sew. Filwaqt li hawn min qed ikollu n-negozju mhedded minħabba li ma jinħarġulux permessi tal-visa għal persuni barranin biex, fost l-oħrajn, jiġu jistudjaw f’Malta, lil dawn it-tfajliet Asjatiċi qed tinħarġilhom il-visa biex imbagħad jidħlu għal kuntratt ta’ xogħol ta’ tliet snin fil-Leisure Clothing.

Il-kxif ta’ skandlu kbir li spiċċa l-Qorti

F’Ottubru li għadda nkixef skandlu kbir ta’ traffikar uman ta’ tfajliet minn pajjiżi Asjatiċi – l-aktar iċ-Ċina u mill-Vjetnam – bl-iskop li jinġiebu jaħdmu f’Malta fil-Leisure Clothing.

Il-mument kienet żvelat kif tfajliet Ċiniżi u mill-Vjetnam kienu qed jinġiebu Malta bil-wiegħda li se jitħallsu mas-€600 fix-xahar u mbagħad irriżulta li lil dawn it-tfajliet kienu jagħtuhom ftit għexier ta’ ewro fl-aħħar tax-xahar.

Mill-investigazzjonijiet li kienu saru rriżulta li t-tfajliet kienu jkunu mħajra minn aġenzija fiċ-Ċina li kienu jwiegħduhom il-ġenna tal-art f’Malta fejn kienu se jaqilgħu flus biżżejjed mhux biss biex jgħixu ħajja diċenti f’Malta, imma saħansitra biex ikollhom flus biżżejjed x’jibagħtu lil qrabathom f’pajjiżhom u anki flus xi jġemmgħu biex darba jintemmilhom il-kuntratt ikunu jistgħu jirritornaw f’pajjiżhom u jgħixu ħajja komda u diċenti.

Dawn it-tfajliet ħafna minnhom ikunu daħlu f’ċirku mill-aktar perikoluż għaliex biex iħallsu għal ċerti spejjeż ħalli jkunu jistgħu jagħmlu l-vjaġġ lejn Malta, ikollhom jissellfu mill-istess aġenzija u mbagħad tul il-perijodu li f’Malta jaħdmu mit-Tnejn filgħodu sal-Ħadd filgħaxija – għal sigħat twal kuljum – kien ikollhom iħallsu mis-suppost salarju tagħhom għal dan id-djun.

Hi ħasra kif taħt l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit il-Fizzjali tal-Pulizija li kienu qed jinvestigaw il-każ kienu spiċċaw ġew ordnati biex jaħdmu go slow inkella jieqfu kompletament. Dik id-deċiżjoni kienet tat daqqa kbira ta’ ħarta lill-Fizzjali u lill-Pulizija fl-Immigrazzjoni li kienu qed jaħdmu bla heda biex jagħlqu dan iċ-ċirku ta’ abbuż. Mhux ta’ b’xejn li l-Prim Ministru, fil-ġimgħat ta’ wara, ħareġ dikjarazzjoni mill-aktar xokkanti li l-fiduċja tal-Maltin u l-Għawdxin fil-Korp tal-Pulizija marret il-baħar u li l-affarijiet fil-Korp tal-Pulizija kienu jeħtieġu li jibdew mill-qiegħ nett.

Aktar pressjoni fuq il-Gvern u l-Pulizija

Bl-iżviluppi l-ġodda f’dan l-iskandlu kbir, tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Gvern u l-Korp tal-Pulizija biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa u minnufih biex dawn abbużi kbar jitwaqqfu minnufih, irrispettivament minn kull pressjoni li tista’ tiġi mingħand l-ogħla awtoritajiet Ċiniżi f’Malta.

F’dan il-każ qed nitkellmu dwar allegazzjonijiet mill-aktar serji ta’ traffikar uman u ta’ xogħol bil-prekarjat. Il-Gvern u l-Pulizija għandhom jintervjenu b’mod dirett u jwaqqfu dan iċ-ċirku ta’ abbuż mifrux sew.

Is-smigħ tal-każ fil-Qorti

Sadattant il-mument qalet li se tkompli ssegwi dak kollu li qiegħed jiġri fl-Awla tal-Maġistrat Carol Peralta b’rabta mal-każ dwar traffikar u sfruttament ta’ ħaddiema tal-Leisure Clothing u qiegħed josserva tajjeb ħafna ċerti messaġġi li qed jinħarġu minn min quddiemu qed jinstema’ dan il-każ.

Tajjeb li jingħad li meta Bin Han u l-kollega tiegħu lejn tmiem is-sena l-oħra kienu tressqu l-Qorti mill-Pulizija dwar traffikar uman, dawn, inqas minn 48 siegħa mill-Maġistrat Carol Peralta, dawn mhux biss kienu ngħataw il-libertà proviżorja minkejja kull parir kontra, iżda kienu ngħataw ukoll l-istess libertà proviżorja b’kundizzjonijiet verament redikoli.