Internazzjonali Kurżitajiet

Xjenzati jinsabu fuq missjoni biex isalvaw iċ-ċikkulata

Xjenzati Ingliżi jinsabu fuq missjoni biex isalvaw il-provvisti dinjija taċ-ċikkulata.

Bid-domanda dinjija għaċ-ċikkulata dejjem tiżdied u bil-mard jeqred il-prodotti agrikoli fl-akbar pajjiżi li jipproduċu l-kokotina, ix-xjenzati qed jitqabdu biex jiżviluppaw pjanti aktar b’saħħithom u aktar produttivi.

Iċ-ċentru minn fejn qed titwettaq din il-missjoni biex tkun salvata ċ-ċikkulata jinsab f’serra b’investiment ta’ miljun Lira Sterlina f’Berkshire.

Hawnhekk, tim mill-Universita’ ta’ Reading jinsab jaħdem qatigħ fuq il-proġett – imlaqqam Operation Wonka wara l-karattru Willy Wonka meħud mill-ktieb klassiku tat-tfal miktub minn Roald Dahl, Charlie And The Chocolate Factory.

Il-Willy Wonka tal-missjoni hu Paul Hadley, professur tal-ortikultura, li fisser li l-Fabbrika taċ-Ċikkulata, jew iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kwarantina tal-Kokotina, twaqqfet sabiex ikun assigurat li l-provvista dinjija taċ-ċikkulata tibqa’ mad-domanda li dejjem qed tiżdied, u li qed tkun mitluba miċ-Ċiniżi.