Rainer Mader (ritratt xellug), Ġermaniż ta’ 42 sena, tilef ħajtu f’każ ta’ hit and run li seħħ għall-ħabta ta’ 11.50am fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema.
Jirriżulta li Mario Gatt, ta’ 36 sena miż-Żurrieq, għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu, tat-tip Volkswagen Golf, u eventwalment laqat żewġ vetturi qabel ma laqat vann li minnu kienu qed jinħattu xi affarijiet. Il-Ġermaniż, li wasal Malta lbieraħ għal btala, inqabad bejn il-vann u l-karozza ta’ Gatt. Mader miet mad-daqqa.
Kif ra hekk, il-Malti ħarab bil-vettura tiegħu mill-post, minkejja li kellha ħsarat konsiderevoli fil-parti ta’ quddiem. Hu saq għal diversi metri (stampa isfel) sakemm waqaf u pparkja fil-ġenb tat-triq.
Sadanittant, il-Pulizija kienu nfurmati b’dak li ġara u bil-fatt li Gatt ħarab mill-post minkejja l-inċident. Kif ra l-vettura tal-Pulizija, iż-żagħżugħ ħarab mill-karozza u telaq jiġri lejn it-Torri, iżda nqabad fil-fatt.
Hu kien arrestat u qed jiġi interrogat. Kawża tal-inċident partijiet mit-triq kienu magħluqa għat-traffiku. Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa, li ħatar diversi esperti biex jassistu f’Inkjesta Maġisterjali.
L-AME ssellem lil Rainer Mader
L-Association of Model Engineers (AME) sellmet lil Rainer Mader, li hu membru attiv tagħha. Fi stqarrija, is-Segretarju tal-Kumitat tal-AME Carl Mifsud qal li Mader kien iħobb iżur Malta u anke kellu diversi ħbieb Maltin.