Loew l-aħjar kowċ u James Rodriguez bl-isbaħ gowl
Cristiano Ronaldo reġa’ rebaħ il-Ballon d’Or għat-tieni sena konsekuttiva hekk kif ġie vvutat l-aħjar plejer tal-2014 waqt cerimonja li saret fi Zurich.
Il-captain tal-Portugall Ronaldo, matul l-2014 skorja 52 gowl fi 43 logħba. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li vvutawlu partikolarment il-President ta’ Real, lil sħabu fit-tim u l-kowċ Carlo Ancelotti.
Il-finalisti l-oħra kienu l-Arġentin ta’ Barcelona Lionel Messi u l-gowlkiper Ġermaniż ta’ Bayern Munich Manuel Neuer.
Interessanti l-fatt li la Ronaldo u lanqas Messi ma vvutaw lil xulxin. Ronaldo vvota lil Sergio Ramos, Gareth Bale u Karim Benzema waqt li Messi għażel lil Angel Di Maria, Andres Iniesta u Javier Mascherano.
Għal dan l-unur ivvutaw il-kowċis u l-captains kollha tat-timijiet nazzjonali flimkien ma’ selezzjoni ta’ ġurnalisti.
L-unur għall-aħjar plejer mara għas-sena 2014 mar għand il-Ġermanża captain ta’ Wolfsburg Nadine Kessler li għelbet l-isfida tal-Brżiljana Marta u l-Amerikana Abby Wambach.
Il-kowċ nazzjonali tal-Ġermanja Joachim Loew ġie vvutat l-aħjar kowċ tas-sena wara li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fil-Brażil. Carlo Ancelotti ta’ Real Madrid u Diego Simeone ta’ Atletico Madrid kienu l-finalisti l-oħra. Il-preżentazzjoni saret mil-leġġendarju Ġermaniż Ottmar Hitzfeld li lbieraħ iċċelebra wkoll għeluq is-66 sena tiegħu.
Fid-diskors tiegħu Loew indirizza lil Neuer, Kroos u Lahm, tliet plejers tal-Ġermanja preżenti fis-serata u qal li kien unur għalih li jaħdem magħhom.
L-unur għall-aħjar kowċ fil-futbol tan-nisa mar għand Ralf Kellerman kowċ tat-tim ta’ Wolfsburg Champions Ewropej. Huwa għeleb l-isfida ta’ Maren Meinert, kowċ tat-tim nazzjonali Ġermaniż U/20 u l-kowċ tal-Ġappun Norio Sasaki.
L-isbaħ gowl tas-sena ntagħżel dak tal-Kolombjan James Rodriguez li skorja fit-Tazza tad-Dinja fil-Brażil kontra l-Urugwaj.
L-unur mogħti mill-President tal-FIFA lil dik l-organizzazzjoni jew individwu li ħadem b’risq il-logħba fid-dinja mar għand il-Ġappuniż Horoshi Kagawa li għandu 89 sena. Kagawa hu eks plejer tal-Ġappun li sar ġurnalista fejn kien irrapporta t-Tazza tad-Dinja tal-1974 u għen ikabbar il-profil tal-logħba fil-Ġappun u l-Asja.
L-unur tal-Fair Play din is-sena mar għand il-voluntiera li taw is-sehem tagħhom waqt il-kompetizzjonijiet tal-FIFA, inkluż it-Tazza tad-Dinja.
It-tliet finalisti għall-Ballun tad-Deheb kienu wkoll magħżula fit-tim tas-sena flimkien mad-difensuri Phillip Lahm, David Luiz, Thiago Silva u Sergio Ramos, il-midfielders Andres Iniesta, Toni Kroos u Angel Di Maria u l-attakkant Arjen Robben.
//= $special ?>

