Żminijiet moderni. Id-diskors fis-soċjeta isir ukoll fuq l-eteru u jsir kemm jista’ jkun fil-qosor. Pilloli ta’ informazzjoni. Għax m’għandniex ħin iktar nipproċessaw. Jew nilludu rwieħna li m’għandniex ħin. Għax jaqbillhom forsi li ma nagħtux każ, li ma niflux. Kullħadd f’postu. Kullħadd jaf xi rwol għandu. Din hija ir-Repubblika Liberali u Demokratika ta’ Kemmuna. #cominorepublic #tweet
Qabduhom. Kultant fis-soċjeta’ issib dawk li ma jkunx irnexxielhom jintegraw. Is-sistema programm perfett iżda issib marda ġo fiha stess. Marda li ma hix konformi – mhux biss għax ma taqbilx u għax trid il-bidla iżda għax tikkunsidra li s-sistema kollha minn fuq sa isfel hija anatema. Trid teradika kollox – bl-egħruq u x-xniexel. Tobżoq f’wiċċ ir-repubblika b’dagħdiha ta’ dagħa u tinsulta u tkisser kull ħaġa li ma jogħġobhiex. Ma hix integrata. Hija aljena għas-sistema. Hija virus. #jesuischarlie #intivirus
Tara x’ġara fi Franza, ġewwa il-belt ta’ l-imħabba u tinduna kemm hu importanti x-xogħol tal-gwardjani tar-repubblika. Gwardjani f’sens wiesgħa. Mhux biss dawk armati bil-pistola u li huma fdati bl-ordni pubblika imma l-gwardjani li jħarsu d-dinjita’ u t-tħaddim ta’ soċjeta sana b’xogħolhom. Gwardjan juża s-satira biex jindokra ċ-ċittadin billi jikxef lil dawk li qed jipprovaw iqarrqu biċ-ċittadin. Gwardjan juża l-investigazzjoni ġurnalistika sabiex jgħid dak li ħaddieħor forsi jaqbillu li jibqa’ mistur. Importanti wisq is-sistema tal-gwardjani u ma tistax titħalla titmermer jew titgħakkes. #ħsiebħieles #ipsoscustodies
Il-virus huwa manifestazzjoni kerha ta’ kull ma s-soċjeta għandha taborri, tobgħod. Huwa nisel l-intolleranza, hija n-nuqqas tar-raġuni u wild l-injoranza l-iktar imdallma. Is-soċjeta hija magħmula minn bizzilla ikkumplikata u l-virus jimmanifesta ruħu f’għelt ikrah li ma jġonġi ma’ l-ebda parti. Jispikka fil-kruha tiegħu u għalxejn jipprova jinħeba wara bnadar ideoloġiċi u spiritwali. Mill-ewwel jitbarrad mill-elementi siewja għax vera li forsi tista’ tinstema’ klixe’, iżda s-sewwa dejjem jirbaħ. #tolleranza
Varawlna sistema ta’ trasport pubbliku ġdid. Ix-xarabank tal-iljuni se jkollu sistema ta’ nollijiet li forsi taf tiffranka bihom. Forsi. Għax ngħiduha kif inhi kif jista’ ċittadin jiffranka jekk is-sussidju dejjem jogħla se jkun irid jitħallas minn butu? Trid tifhem Joe Mizzi li biex Autobus de Leon jagħmlu biljett għal ġimgħa irħas xorta se jerdgħu sussidju ikbar mill-kaxxa tal-poplu. Ikbar milli qatt ħadet il-misħuta Arriva. Li tikkritika mill-oppożizzjoni faċli, li imbagħad turi li r-roadmap ma kienet xejn ħlief bżiezaq fl-arja trid tkun altru ipokrita. #rossbillabra #falliment
U bħat-trasport, iż-żejt. Ftit nifhem fil-hedging li tant werżqu bih u akkużaw bih. Li nifhem hu li bħalissa l-prezz taż-zejt dinji qiegħed freefall imma il-Gvern ta’ Joseph bir-roadmaps kollha għadu jħallas għoli. Skużi, ridt ngħid int u jien inħallsu għoli. Din bħal tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. Vera traħħsu imma minn fejn ġej il-flus biex jiġi issussidjat dan ir-roħs? Il-gvern laburista bravissimu biex ibiegħlek ir-roħs… li jinsa’ jgħidlek hu li l-kont xorta int se tibilgħu fl-aħħar mill-aħħar. #lapazzar #tilqit #taghnalkollgideb
Immaġina li għandek ħabib li jimlilek rasek li se joħorġok tiekol. Immaġina li idum iwiegħdek li se jieħdok l-aqwa restorant ġol-pajjiż u tgħidx kemm se tiekol tajjeb. Immaġina jieħdok u x’ħin jiġi l-kont jgħidlek biex tħallas int imma jgħidlek tibqa’ tiftakar li kien hu li ħadek tiekol, li tiegħu kienet l-idea, li kien ħa “deċiżjoni”. Int tħallas. U mhux talli tħallas waqt li l-ħabib qed jgħidlek kemm ħadek post tajjeb, talli tirringrazzjah u tibqa’ tafulu. Tal-Labour hekk jagħmlu. Jimlewlek rasek b’ħafna wiegħdiet u int tant tieħu gost bihom li lanqas tinduna li qed tħallas int. #BċieċenTagħnaLkoll
Fl-aħħar għaddiet. Se jkollna referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. Issa l-għażla vera f’idejk. #LeGħalKaċċaFirRebbiegħa
Abraham Abulafia għex u miet f’dinja oħra. Indifen ġewwa Kemmuna fejn illum l-ispirtu tiegħu għadu jhewden u jħarbex ħsibijietu. Fost l-oħrajn huwa magħruf għall-ktieb tiegħu Moreh Nebukhin (Gwida għall-imħawdin). Issibu fuq twitter @cominorepublic
//= $special ?>