Il-poplu Malti jħobb jivvota. Min jgħid li l-Maltin għajjew jivvotaw ma jafx x’qed jgħid. Xejn ma jindika li l-poplu qed isofri minn electoral fatigue. Aħna wieħed mill-iktar poplu li nipparteċipaw fl-appuntamenti elettorali. Fil-11 t’April qed nerġgħu nigu msejjħa biex, probabilment għall-aħħar darba f’din il-leġislatura nivvutaw fl-ewwel referendum abbrogattiv fl-istorja ta’ pajjiżna. Dakinhar ukoll nofs il-lokalitajiet ta’ pajjiżna ser jeleġġu l-kunsilli lokali.
Ir-referendum
Kuntrarjament għall-kampanji taż-żewġ referenda li kellna mill-2003 ‘l hawn din il-kampanja hija pjuttost qasira. Fl-okkażżjonijiet preċedenti partikularment fir-referendum tad-dħul ta’Malta fl-UE ż-żewg partiti politiċi ewlenin kienu attivi. F’dan ir-referendum il-partiti l-kbar diġa ddikjaraw li mhux ser jipparteċipaw fid-dibattitu. Hekk għandu jkun biex il-poplu Malti jkun liberu li jagħmel għażla ħielsa mingħajr influwenza żejda mill-politiċi.
Kont nippreferi li l-kapijiet tal-partiti l-anqas iddikjaraw l-preferenza tagħhom biex proprju ma jinfluwenzawx is-segwaċi tagħhom. Dan ir-referendum m’għandux ikun tellieqa bejn il-kapijiet tal-partiti.
Biex ir-referendum ikun validu ikun meħtieġ li aktar minn nofs l-elettorat imur jivvota. Ma naħsibx li din ser tkun problema anke peress li fl-istess jum nofs il-poplu jkun qed jeleġġi l-kunsilli lokali u allura l-parteċipazzjoni tkun b’saħħitha.
Il-Kunsilli Lokali
L-aħħar darba li saru elezzjonijiet fil-grupp ta’ lokalitajiet li ser ikollom elezzjoni f’April li ġej kien fl-2012. Dakinhar il-Partit Nazzjonalista kien ġab 42.3% tal-voti filwaqt li l-Partit Laburista kien ġab 56.7%. Jekk wieħed ineħħi l-voti li ġabu l-partiti f’ Tas-Sliema fejn dakinhar saret elezzjoni u din is-sena mhux ser issir il-persentaġġi tal-partiti jkunu 40.8% għal PN u 58.6% għal PL.
Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jirbaħ dan il-grupp ta’ kunsilli minħabba żewġ raġunijiet. L-ewwelnett dan huwa grupp ta’ lokalitajiet li fil-biċċa kbira tagħhom hemm maġġoranza kbira laburista. It-tieni raġuni hi li għadu kmieni biex il-PN jirkupra daqstant voti sentejn wara t-telfa elettorali.
L-isfida għal-PN għandha tkun li f’dawn l-elezzjonijiet jakkwista riżultat ftit aħjar minn dak ta’ 3 snin ilu. Il-ġirja biex nirbħu l-maġġoranza fil-pajjiż kollu irridu nagħmluha fl-aħħar sena tal-leġislatura mhux issa.
//= $special ?>