Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern b’Avviż Legali ġdid minflok dak li kellu jitlob informazzjoni sensittiva dwar l-istudenti

Wara insistenza mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Gvern kellu jagħmel u-turn oħra, din id-darba dwar il-proposta tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex jiġbor informazzjoni personali dwar l-istudenti Maltin u Għawdxin.

Fil-bidu tas-sena li għaddiet, il-Gvern kien se jaqbad u jdaħħal fis-seħħ l-Avviż Legali 76 bil-moħbi, bl-iskop li l-Gvern ikollu aċċess għall-informazzjoni kollha, anke dik personali, tal-istudenti tagħna f’kull stadju tal-edukazzjoni.

Madankollu, u wara li dan ġie żvelat mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, f’April li għadda l-Ministru Evarist Bartolo kellu jipposponi l-proċess mitlub fl-Avviż Legali 76. Dakinhar, hu nieda proċess ta’ konsultazzjoni wara l-kritika li kien irċieva mill-pubbliku.

Għaldaqstant, wara numru ta’ xhur, il-Gvern issa daħħal fis-seħħ l-Avviż Legali 19, li fost tibdiliet oħrajn jitlob li informazzjoni personali u sensittiva għandu jkollha l-approvazzjoni ta’ almenu wieħed mill-ġenituri jew kustodju legali qabel tingħadda lill-Gvern.

L-Avviż Legali 19, li kien ippubblikat fil-ħarġa tal-Ġimgħa li għadda tal-Gazzetta tal-Gvern, ma jippermettix li l-awtoritajiet edukattivi jitolbu kwalunkwe informazzjoni dwar studenti li għandhom anqas minn 16-il sena u għalhekk ikunu għadhom fl-età obbligatorja tal-istudju. Barra minhekk, l-informazzjoni li tintalab għandha tintuża’ biss fl-aħjar interess tal-istudenti, fil-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ inizjattivi.

Grazzi għall-pressjoni li oriġinat mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Gvern kellu wkoll idaħħal klawsola fl-Avviż Legali biex informazzjoni personali tal-istudenti li tkun se tintuża’ għal raġunijiet ta’ statistika jew riċerka għandha tingħadda b’mod anonimu, sakemm l-identità tal-istudenti ma tkunx meħtieġa fir-riċerka nnifisha.