Internazzjonali

Il-ħarġa li jmiss ta’ ‘Charlie’ bil-karikaturi tal-Profeta

Il-ġurnal satiriku Franċiż, Charlie Hebdo, qed jaħseb biex jippubblika l-karikaturi tal-Profeta Muhammad, il-fundatur tal-Iżlam, fil-ħarġa li jmiss.

L-avukat tal-ġurnal, Richard Malka, qal li m’humiex se jċedu għall-espressjoni ħielsa, ‘għaliex is-sagrifiċċju tal-ġurnalisti u l-karikaturisti (ma’ dan il-ġurnal)li xerrdu demmhom ikun sewa għalxejn’.

Ftit tal-jiem ilu, żewġt aħwa Franċiżi b’rabtiet mal-grupp Al-Qaida fil-Jemen daħlu fil-kwartieri ta’ Charlie Hebdo, f’Pariġi, u qatlu 10 kontributuri ma’ dan il-ġurnal. Iżda Malka qal li l-ħarġa li jmiss ta’ Charlie Hebdo għandha toħroġ xorta, nhar l-Erbgħa, skont il-pjan.

‘Il-ħajja trid tkompli anki jekk il-pubblikazzjoni se tinvolvi proċess ikkumplikat u wara li saru l-funerali tal-vittmi,’ spjega l-avukat li enfasizza ‘l-ħtieġa li jħarsu ‘l quddiem’.

Ftit tal-jiem ilu, tabloid Ġermaniż li reġa’ ppubblika wħud mill-karikaturi tal-Profeta Muhammad li kienu dehru fil-ħarġiet ta’ Charlie Hebdo spiċċa mira ta’ attakk bil-bombi tan-nar. Intant, l-awtoritajiet ma kkonfermawx rabta konklussiva bejn dan l-attakk u l-karikaturi inkwistjoni.