Internazzjonali

Il-petrol jinbiegħ bin-99.7p il-litru fir-Renju Unit

Il-prezz tal-petrol fir-Renju Unit naqas għall-aktar livell baxx fl-aħħar ħames snin, bin-nies tal-West Midlands qed iħallsu 99.7 pence il-litru biex jimlew il-karozzi tagħhom.

Mistenni li aktar pompi tal-petrol fir-Renju Unit se jibdew ibiegħu il-petrol għal anqas minn lira Sterlina l-litru, bil-prezz taż-żejt qed jorħos b’ritmu mgħaġġel.

Negozjant bl-isem Velauthan Sarveswaran, li għandu l-pompi f’Redditch, Walsall u Birmingham, iddeċieda li jraħħas il-prezzijiet tal-petrol u tkellem dwar ‘l-iskandlu’ fejn kumplessi tas-supermarkets ‘qed idaħħlu l-flus kbar (mill-petrol) waqt li jabbużaw is-sistema b’mod fejn il-klijent mhux igawdi mir-roħs fil-prezz taż-żejt’.

Dan meta mistenni aktar tnaqqis fil-prezz taż-żejt globali fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.

Il-kumpanniji li qed iħaffru għaż-żejt u l-intraprendituri l-oħrajn fis-settur huma kważi konvinti li l-prezzijiet se jibqgħu jorħsu, bl-entitajiet inkwistjoni qed jagħfsu aktar fuq il-proċess tal-hedging.

Fil-fatt, il-prezz taż-żejt naqas għas-seba’ ġimgħa konsekuttiva, bl-Arabja Sawdita, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Kuwajt m’humiex se jnaqqsu mill-produzzjoni.