Lokali

L-MHRA twissi li l-għeluq tas-Cyprus Airways għandu jservi ta’ twissija fil-każ tal-Air Malta

L-aħbar li l-linja tal-ajru ta’ Ċipru ngħalqet wara li l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Gvern Ċiprijott iħallas lura s-sussidju tal-Istat lill-kumpanija għandha tiftaħ għajnejn dawk kollha li b’xi mod huma involuti fil-każ tal-Air Malta, b’mod partikulari l-ħaddiema li jaħsbu li l-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna ma tistax tfalli.

Din it-twissija għamlitha l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), li fi stqarrija reġgħet iddikjarat li għaliha hu inaċċettabbli li l-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina tal-Air Malta għaddejjin b’azzjoni industrijali biex iwaqqfu l-implimentazzjoni ta’ bidliet bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar tal-kumpanija tal-ajru.

L-MHRA fakkret li l-poplu Malti ħallas aktar minn €150 miljun minn flusu, permezz tal-Gvern, biex isalva lill-Air Malta u l-impjiegi tal-ħaddiema tagħha. Madankollu, bl-azzjonijiet tagħhom, il-cabin crew qed jheddu dan l-investiment pubbliku qawwi bir-riskju li dan jintilef kollu jekk l-Air Malta jkollha tingħalaq. L-istqarrija fakkret ukoll li l-cabin crew u l-bqija tal-ħaddiema tal-kumpanija mhumiex l-uniċi stakeholders fl-Air Malta.

Fakkret ukoll kif anke l-pubbliku, permezz tal-investiment tal-Gvern fil-kumpanija, u ħafna eluf ta’ nies oħrajn li jaħdmu fit-turiżmu, fil-manifattura u fis-servizzi finanzjarji, kollha għandhom interess fid-destin tal-Air Malta u jkunu wkoll milquta jekk xi ħaġa tmur ħażin.

Għaldaqstant, l-MHRA ddikjarat li issa hu ż-żmien li l-Management tal-kumpanija tagħmilha ċara lill-ħaddiema li għandhom żewġ għażliet quddiemhom: jew jaċċettaw ir-ristrutturar neċessarju li bih issalva l-Air Malta, inkella jsibu impjieg ieħor.