Qorti

Libjan mixli b’attentat ta’ stupru fuq Żvediża fil-Bajja ta’ San Ġorġ

Libjan ta’ 28 sena residenti li Msida ġie mixli quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri bl-attentat ta’ stupru fuq mara Żvediża fil-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan kmieni nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu. Minkejja li d-difiża qed tgħid li dan ma kien stupru xejn, iżda l-koppja kienet f’mument intimu, u f’daqqa waħda l-mara bidlet il-ħsieb tagħha, l-Qorti xorta ma laqgħetx it-talba għal liberta’ proviżorja ta’ Ahmed Rasem Franko u dan għax fost affarijiet oħra, għad trid tixhed l-allegata vittma.

Il-Libjan ġie mixli wkoll li żamm lill-Isvediża kontra l-volonta’ tagħha, ħebb għaliha b’mod indeċenti, kkaġunalha feriti ħfief u li offenda l-morali tal-pubbliku. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elton Taliana spjegat fil-Qorti li r-raġel inqabad jagħmel dan l-att fil-fatt mill-Pulizija li kienu fuq patrol fl-inħawi. Huwa qal li kieku l-Pulizija ma ntervjenewx mill-ewwel, kieku Rasem Franko kien qed jiġi mixli fuq każ ta’ stupru.

L-avukat Veronique Dalli li deheret għall-akkużat qalet li dan ma kienx każ ta’ raġel li qabeż fuq mara waqt li kienet għaddejja mit-triq, iżda każ fejn żewġ adulti kienu qed ikunu intimi ma’ xulxin u f’ħin minnhom il-mara reġa’ bdielha.

Rasem Aħmed wieġeb li mhux ħati wara li nqratlu l-akkuża. L-Ispettur Elton Taliana oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest għax qal li jista’ jkun hemm nisa li jħossu li huwa perikoluż li jimxu waħedhom fit-triq.

L-Avukat Veronique Dalli qalet li l-imputat u l-Iżvediża iltaqgħu f’Paceville u wara marru fil-Bajja ta’ San Ġorġ, fejn il-mara staqsietu x’jidhirlu mill-flokk tagħha, li skont l-avukat Dalli ma kien xejn diċenti, u bdiet tbusu. Huma bdew ikunu intimi ma’ xulxin iżda f’ħin minnhom il-mara reġa’ bdielha u bdiet tgħajjat.

L-Avukat Dalli talbet li jinżammu l-filmati tas-CCTV tal-inħawi ta’ Hugo’s u Havana għax minnhom jirriżulta li l-imputat u t-tfajla kienu qed jixorbu flimkien qabel l-inċident. Il-Maġistrat laqa’ t-talba tad-difiża li jinżammu l-filmati.

Dwar l-intimita’ ta’ bejn it-tnejn, l-Ispettur Taliana qal li din kienet l-ewwel darba li qed jisma’ verżjoni bħal din. Qal li fl-ebda ħin tal-interogazzjoni, l-Libjan ma qal li huwa kien mal-mara qabel ma seħħ il-każ.