Lokali

Mallia jattendi l-Parlament fl-aħħar kwarta tad-diskussjoni

L-eks-Ministru Laburista Manwel Mallia daħal fil-Parlament għas-seduta parlamentari tal-lejla, fl-aħħar kwarta tad-dibattitu tas-seduta parlamentari fejn kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Oppożizzjoni dwar Stili ta’ Ħajja Sana biex titnaqqas il-problema tal-Obeżità.

Dak il-ħin tas-seduta, kien hemm erba’ membri tal-Gvern, fejn id-Deputat Laburista Manwel Mallia mar jitkellem mad-Deputati Godfrey Farrrugia u Deborah Schembri. Ħa b’idejn ukoll id-Deputat Speaker Ċensu Galea li kien qed jippresiedi d-diskussjoni fil-Kamra.

Manwel Mallia ma kienx preżenti fil-bidu tas-seduta tal-lejla meta l-Parlament kienu diskussi żewġ stqarrijiet tal-Gvern, u li saru bi ftehim mal-Oppożizzjoni – it-tislima lill-vittmi tal-attakk terroristiku fi Franza u r-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Il-preżenza ta’ Manwel Mallia fil-Kamra tad-Deputati kienet ta’ ftit minuti, fejn daħal mill-bieb tan-naħa tal-ġurnalisti, u ħareġ mill-bieb fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra, viċin is-Sedja.