Lokali

Media rilevanti

Chris Said, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, xhur ilu imbarka fuq proġett li kellu jwassal biex il-media tal-Partit Nazzjonalista ssir rilevanti. Mhux issir aktar rilevanti. Imma ssir rilevanti. Għax sfortunatament qabel ftit li xejn konna rilevanti u qajla kienu jaqrawna, jisimgħuna u jarawna nies. Dik hi l-verità.

Il-proġett li daħal għalih Chris Said ma kienx wieħed faċli jew għall-wità. Aktar u aktar meta bħala organizzazzjoni kummerċjali kellna nħabbtu wiċċna ma’ numru ta’ diffikultajiet serji, fosthom problemi finanzjarji kbar li issa jidher li huma sorvolati.

Iżda Chris Said terraq u b’determinazzjoni, viżjoni u preċiżjoni wassal biex illum għandna media tal-Partit Nazzjonalista li iva hi rilevanti, friska, kontinwament aġġornata u ferm aktar minn hekk.

Illum il-media tal-Partit Nazzjonalista hi minn ta’ quddiem nett fit-twassil tal-aħbar u mill-aħħar tlett xhur tas-sena 2014, f’diversi ċirkostanzi, kienet hi li ssettjat l-aġenda tad-diskussjoni fil-pajjiż. L-isvelar tar-rekordings fil-każ tal-isparatura tal-eks Ministru Manwel Mallia; il-kxif tal-iskandlu tal-Leisure Clothing; il-ħarba mill-frodist Ryan Schembri mfittex għal €40 miljun u bosta stejjer oħra jikkonfermaw dan kollu.

Naturalment dan il-proġett fl-infanzja tiegħu għandu jkompli jsib l-appoġġ tagħkom il-qarrejja, semmiegħa u telespettaturi tal-media tal-Partit Nazzjonalista. Stejjer kbar jibdew b’telefonata u meta tkellmuna intom b’tarf ta’ informazzjoni. Nemmen li flimkien kapaċi nkomplu nwasslu aktar sorpriżi u stejjer li jagħmlu differenza.

Marilyn Cernigiaro u Matthew Meilak
Żewġ żgħażagħ li ddominaw l-aħbarijiet lejn tmiem is-sena 2014 u l-bidu tas-sena 2015 kienu Marilyn Cernigiaro u Matthew Meilak.

Marilyn Cernigiaro għebet għal numru preokkupanti ta’ jiem u nstabet grazzi għal rapport estensiv dwarha fl-ewwel paġna tal-ġurnal In-Nazzjon. Nafu li ħabiba tagħha ħaditilha fejn kienet moħbija kopja ta’ dan il-ġurnal u Marilyn Cernigiaro nfaqgħet tibki u filgħaxija rritornat. Storja li spiċċat b’wiċċ il-ġid.

Imma llum Marilyn Cernigiaro xorta għandha bżonn ħafna għajnuna u ħafna mħabba ġenwina, attenzjoni personalizzata u id biex tqum fuq riġlejha u timxi ‘l quddiem fil-ħajja. Jalla ma terġa’ tintalab qatt tirfes l-Isptar Monte Carmeli.

L-awtoritajiet tal-Istat għandhom jaħsbu biex f’pajjiżna jkun hawn organizzazzjoni li tieħu ħsieb tfal bi problemi bħal dawn. Ħasra li sa llum l-Istat ma jipprovdix għal dawn is-sitwazzjonijiet. Mill-każ ta’ Marilyn Cernigiaro għandna ħafna lkoll kemm aħna x’nitgħallmu.

Matthew Meilak illum m’għadux magħna. Fil-ġurnal In-Nazzjon sellimnilu bil-kbir b’intervista estensiva mal-ġenituri tiegħu li kienu jħobbuh ħafna u li hu kien iħobbhom immensament ukoll.

Kien żagħżugħ miexi ‘l quddiem fl-istudji u kellu quddiemu karriera mill-aqwa. Iżda d-destin kellu mħejjija għalih proġetti differenti. Tilef ħajtu fl-ewwel inċident tat-traffiku wara festin tal-Ewwel tas-Sena f’Għawdex.

Jalla t-telfa ta’ Matthew Meilak nitgħallmu minnha lkoll kemm aħna. Is-sewqan u x-xorb ma jmorrux flimkien. Min se jsuq mhux biss irid jibża’ għal ħajtu imma anki għal ħajjet ħaddieħor li jkollu riekba miegħu fl-istess karozza jew għal oħrajn li jkunu għaddejjin għall-affari tagħhom fit-triq.

Matthew Meilak mal-ġenituri tiegħu żamm kelmtu. Ma xorobx u saq. Madankollu tilef ħajtu f’ċirkostanzi li issa jinsabu quddiem il-Qorti. Ejja nżommu quddiem għajnejna li kull ħajja hi prezzjuża wisq.

L-attakki terroristiċi fi Franza
It-48 siegħa u ftit aktar ta’ terrur li għaddiet minnhom il-kapitali Franċiża f’dawn il-jiem kien tal-biża’ mhux biss għall-poplu Franċiż, iżda għalina lkoll fl-Ewropa. Dak li ġara f’Pariġi fil-jiem li għaddew jista’ jseħħ minn mument għall-ieħor f’kull pajjiż u belt oħra Ewropea.

It-terroriżmu qiegħed ikompli juri li kapaċi jgħolli rasu u jkun kattiv. Bla dubju li dawk ix-xeni li ripetutament rajna se jibqgħu mhux biss fl-arkivji u mnaqqxa fl-istorja, imma immarkati fil-moħħ ta’ kulmin rahom.

U pajjiżna m’għandux jaħseb li għandu xi immunita fejn jidħlu dawn l-affarijiet. Nafu li x’jidħol u x’joħroġ f’pajjiżna ftit aħna kapaċi nkunu nafu. Fil-verità aħna żgħar wisq. Madankollu l-forzi tal-ordni f’pajjiżna – is-Servizz Sigriet, il-Korp tal-Pulizija u l-Armata – għandhom ikunu dejjem b’għajnejhom miftuħa fuq l-essenzjal u mhux fuq affarijiet trivjali.

Aħjar ippreparati sa snienna u ma jiġri xejn, milli reqdin waħda nobis għax naħsbu li pajjiżna ma jinteressax lit-terroristi.