Fi stqarrija fil-Parlament il-Gvern ħabbar li l-mistoqsija fir-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa, se tkun b’mod li min jaqbel mal-kaċċa jivvota “iva”, u min ma jaqbilx jivvota “le”.
Ir-referendum abrogattiv se jsir fil-11 ta’ April li ġej flimkien mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Il-mistoqsija se tkun: “Taqbel li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar Qafas biex tiġi permessa Deroga li tiftaħ l-istaġun tal-Kaċċa tal-Gamiem u tas-Summien fir-Rebbiegħa għandhom jibqgħu fis-seħħ?”. Gal din il-mistoqsija, min jaqbel mal-kaċċa jivvota “iva”, u min ma jaqbilx jivvota “le”.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar ir-referendum abrogattiv li se jsir dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa fil-bidu tas-seduta tal-lejla fil-Parlament.
Il-kelliem tal-Oppożizzjon dwar il-kaċċa, Charlò Bonnici, irrimarka fid-diskussjoni li r-referendum hu l-akbar forma ta’ espressjoni ta’ demokrazija diretta u jagħti l-aħħar kelma f’idejn in-nies.
Il-Partit Nazzjonalist kien hu li ta dan id-dritt ta’ referendu permezz tal-liġi dwar ir-Referendum Abrogattiv u baqa’ jiddefendih anki matul l-aħħar sena meta l-Prim Ministru għamel kull ma seta’ biex dan ir-referendum ma jsirx – tant li kien saħansitra se jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Fortunatament il-Gvern ghamel u-turn u issa l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jsiru u magħhom se jsir ukoll ir-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa.
Għal mistoqsija tal-Oppożizzjoni dwar jekk hux possibbli li fir-referendum jingħata wkoll id-dritt tal-vot lil dawk fl-età ta’ 16-il sena, il-Prim Ministru wieġeb li dan mhux possibbli minħabba li l-liġi favur il-vot lil dawk fl-età ta’ 16-il sena li se jkollhom dritt jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, daħlet fis-seħħ wara li saret il-petizzjoni għar-referendum.
//= $special ?>