F’dawn il-ġranet kienu bosta dawk li b’reazzjoni għall-attakk terroristiku f’Pariġi kitbu jew qalu li huma Charlie. Fuq Twitter u fuq Facebook ‘Je suis Charlie’ saret il-frażi tal-ġimgħa, anke fost il-Maltin.
Charlie għal Charlie Hebdo, il-magazin satiriku li l-awturi tiegħu kienu maqtula brutalment mit-terroristi.
Qatt ma kont rajt it-tpinġijiet u l-kitbiet ta’ Charlie Hebdo qabel l-attakk ta’ nhar l-Erbgħa. Grazzi għall-Google u għat-traduzzjoni ta’ ħabiba Franċiża irnexxieli nara u naqra xi wħud minnhom.
L-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li kieku dan il-magazin kien ippubblikat f’pajjiżna kien iqum storbju sħiħ. M’għandix dubju li kieku Charlie Hebdo kien Malti kienu jkunu bosta, anke fost il-politiċi u l-ġurnalisti li dil-ġimgħa sejjħu lilhom infushom Charlie, li jaraw kif jagħmlu biex jiċċensurawh.
Dawn it-talin għandhom il-libertà kollha ma jogħġobhomx dak li jpinġi u jikteb Charlie. Jistgħu jinjorawh. Imma jistgħu ukoll jikkritikawh, imaqdruh u jinsulentawh fil-parametri li ttihom il-liġi. U jekk iħossu li huwa Charlie li qed jikser xi liġi li tmur lil hinn mil-libertà tal-espressjoni, għandhom kull dritt jieħdu tagħhom fil-Qrati.
Dawn id-drittijiet huma tagħhom kif inhuma ta’ Charlie.
Le, aħna m’aħniex kollha Charlie – nous ne sommes pas tous Charlie – iżda aħna min aħna u nemmnu x’nemmnu, l-uniku arma li għandna biex inħarsu l-libertà tagħna hija li nħarsu l-libertà tal-oħrajn.
It-terroristi jirbħu biss meta aħna niddeċiedu li nħallu l-biża’ minn xulxin tirbaħna.
//= $special ?>