Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar l-ewwel tliet prijoritajiet politiċi għal tliet Shadow Ministers ġodda tal-Oppożizzjoni, li kienu appuntati fl-aħħar jiem. Dawn il-prijoritajiet tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Oppożizzjoni, li għaliha attendew ukoll ix-Shadow Ministers Jason Azzopardi, Marthese Portelli u Claudette Buttigieg.
Simon Busuttil qal li b’dawn il-prijoritajiet, l-Oppożizzjoni se tkun qed tikkonferma l-mod kif se tkun qed taħdem biex tkun aktar effettiva u tirrifletti l-vuċi tan-nies. It-tliet prijoritajiet politiċi huma l-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel, id-dinjità tal-pazjenti fl-Isptar Mater Dei u t-trasparenza fil-kuntratti pubbliċi.
It-tliet Shadow Ministers tal-Oppożizzjoni se jkunu impenjati li permezz tad-Deputati assenjati magħhom jieħdu l-inizjattivi meħtieġa ħalli l-Gvern ibiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar dawn il-prijoritajiet.
Dwar il-pezz tal-petrol u d-diesel, Simon Busuttil qal li l-Gvern qed jisraq mill-anqas €10 fuq kull €30 petrol fil-ġimgħa u €12 fuq kull €30 diesel fil-ġimgħa. Meta semma’ l-isptarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li s-sitwazzjoni tal-pazjenti fil-kurituri marret lura ħafna, tant li l-pazjenti issa qed jitilfu d-dinjità tagħhom fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Simon Busuttil qal li l-Gvern qed juri wkoll nuqqas ta’ trasparenza kbira meta ma jippubblikax numru ta’ inkjesti u kuntratti pubbliċi li qed isiru. Sostna li dmir l-Oppożizzjoni hu li tagħmel il-pressjoni meħtieġa biex il-Gvern jippubblika l-kuntratti, jonora d-dinjità tal-pazjenti fl-Isptarijiet u ma jibqax jisraq lill-konsumaturi fil-petrol u d-diesel.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif l-Oppożizzjoni diġà kienet effettiva meta wasslet biex il-Gvern se jagħmel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll biex il-Gvern biddel l-iskema ta’ bejgħ tal-Passaporti u biex inkixef il-każ tal-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.
//= $special ?>