Lokali

“Prosit Simon Busuttil” – id-Deputat Laburista Marlene Farrugia fuq Facebook

Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia laqgħet b’mod pożittiv id-deċiżjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li jibdel ix-Shadow Cabinet tal-Oppożizzjoni. Hi qalet li dan hu “Shadow Cabinet formidabbli u storiku fil-konfront tar-rappreżentanza femminili”.

Id-Deptuat Laburista għamlet din id-dikjarazzjoni lbieraħ waranofsinhar fuq Facebook u immedjatment ġabet reazzjoni minn numru kbir ta’ persuni, li appoġġjaw il-pożizzjoni li qed tieħu Farrugia.

Fil-kummenti tagħha, Marlene Farrugia qalet “prosit” lill-Kap tal-PN għal din id-deċiżjoni u kompliet li b’din id-deċiżjoni ta’ Shadow Cabinet b’ħames Deputati nisa, Simon Busuttil se jbiddel ix-xenarju fil-konfront tan-nisa u l-kontribut li dawn jistgħu jagħtu fis-soċjetà.

Marlene Farrugia qalet li Simon Busuttil wera li hu poliitku li jwettaq dak li jgħid u kompliet li l-Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia jistgħu u se jagħmlu ħidma tajba ħafna f’Malta u fl-UE, filwaqt li jistgħu jkunu Ministri aħjar meta jasal il-waqt.

Id-Deputat Laburista sostniet li fl-istess waqt li Metsola u Comodini Cachia qed iwettqu din il-ħidma politika, huma qed jassumu r-rwol importanti tat-tkabbir tal-familji tagħhom.